“Malta b’obbligu li toffri rifuġju għal dawk ippersegwitati”

Chris Grodotzki/Sea-Watch

Għaqdiet li jaħdmu favur id-drittijiet tal-bniedem qalu li Malta għandha obbligu li toffri rifuġju għal dawk li qed jaħarbu mill-persekuzzjoni ta’ pajjiżhom.

Il-Fondazzjoni Aditus flimkien ma’ 17-il għaqda oħra inkluż il-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi tal-Knisja, fi stqarrija appellaw lill-Gvern biex għal darb’oħra jmexxi b’eżempju fil-fora internazzjonali u iġib f’Malta it-32 persuna fosthom irġiel, nisa u tfal li qiegħdin fuq il-bastiment Sea Watch 3.

Spjegaw li l-argument tal-Gvernijiet li mhux jaċċettaw lil dawn l-immigranti hu li l-immigranti għandhom jintbagħtu lura lejn il-Libja, pajjiż li skont dawn l-għaqdiet qed joppressa liċ-ċittadini tiegħu “b’kundizzjonijiet orribbli, tortura, rape u anke bejgħ tal-iskjavi”. Saħqu li dan imur kontra kull premessa li saret minħabba li s-sigurtà ta’ dawn il-persuni mhux qed tiġi assigurata.

Temmew l-istqarrija billi għamlu l-appell tagħhom biex “Malta ma tħassirx in-naħa l-oħra u tiftaħ il-bibien tagħha għal dawk fil-bżonn”.

Min-naħa tagħha, l-Aġenzija tar-Refuġjati tan-Nazzjonijiet Magħquda qalet li tinsab inkwetata għas-saħħa tat-32 immigrant li ġew salvati 7 ijiem ilu u appellat biex jinstab port fejn jista’ jsir l-iżbark.