Malta bla fondi ġodda mill-Bank Ewropew għall-Investiment

Malta mhix fost il-pajjiżi Ewropej li se jibbenefikaw mill-€4.7 biljun li l-Bank Ewropew għall-Investiment għadu kif approva biex jiffinanzja 30 proġett fl-Ewropa u pajjiżi oħra.
Fil-laqgħa li saret il-bieraħ fil-Lussemburgu tħabbar li fost l-oħrajn il-Bank se jipprovdi finanzjament ta’ €530 miljun lill-Italja biex tqum fuq saqajha minn 40 diżastru naturali li laqat 16 il-reġjun madwar l-Italja tul l-aħħar tliet snin.
Għajnuna għat-trasport fil-Polonja, Franza u t-Tuneżija
€1.8biljun f’finanzjament ġdid mill-Bank Ewropew ġie approvat għal tmien proġetti ġodda għal-sistemi ta’ trasport. Dawn jinkludu appoġġ għall-immodernizzar fis-sistemi tat-toroq u l-ferroviji fil-Polonja, trams ġodda fiż-żona Rhine-Neckar u rotot ġodda bejn Parġi u l-kosta tan-Normandija.
Finanzjament ġdid ġie approvat biex jindirizza l-konġestjoni fit-toroq urbani fit-Tuneżija, bil-bini ta’ tmien junctions ġodda fil-belt ta’ Sfax.
Il-President tal-Bank Ewropew għall-Investiment, Werner Hoyer spjega li qed ikun innuttat nuqqas ta’ investiment fl-ekonomiji Ewropej u l-Bank qed jagħti self b’imgħaxijiet iktar baxxi biex jappoġġja investiment sostenibbli.
15 il-pajjiż igawdu mill-Pjan ta’ Investiment Ewropew  
Ħdax il-proġett b’investiment ta’ €1.6 biljun se jkollhom l-appoġġ tal-Pjan ta’ Investiment Ewropew. Dawn se jitmexxew fi 15 il-pajjiż differenti.
Dawn jinkludu proġetti ta’ riċerka u żvilupp fil-Bulgarija, il-Ġermanja, Franza u d-Danimarka u proġetti tat-trasport u infrastruttura soċjali fil-Polonja.
Appoġġ għal enerġija sostenibbli
Iktar self mill-Bank Ewropew għall-Investiment se jmur għal windfarms fuq l-art fil-Latvja, skemi ta’ enerġija mix-xemx fl-Italja, tnaqqis fl-enerġija biex jissaħnu d-djar fi Krakow, il-bini ta’ impjant tal-enerġija li jitħaddem bl-iskart f’Sofia, interconnector ġdid bejn ir-Rumanija u l-Moldova u skema għal użu effiċjenti tad-dawl u l-ilma fid-djar fil-Portugall.
Appoġġ għal proġetti ta’ innovazzjoni u riċerka
Il-Bank Ewropew approva aktar minn €495 miljun għall-finanzjament ta’ inizjattivi minn kumpaniji privati. Dawn jinkludu l-immodernizzar tal-produzzjoni tal-azzar fil-Ġermanja u Franza, cables li ma jaħlux l-enerġija fl-Italja u r-riċerka fil-Bulgarija għal vaċċini ġodda.