Aġġornata (4): L-interconnector qed jintuża mill-inqas sakemm tinstab soluzzjoni aħjar

L-Enemalta plc ħabbret li filwaqt li l-elettriku reġa' għand kulħadd, għalissa l-interconnector se jkun qed jintuża mill-inqas sakemm l-investigazzjoni tidħol aktar fil-fond u jinstabu soluzzjonijiet oħra.
Fost miżuri li ttieħdu fl-aħħar sigħat, il-kumpanija bagħtet inġiniera Ragusa sabiex jaħdmu mar-rappreżentanti Taljani.
Ix-xogħol li normalment jagħmel l-interconnector qed jiħduh temporanjament stazzjonijiet addizzjonali, fil-power station ta' Delimara, kif ukoll hemm oħrajn jistennew li jintużaw f'każ ta' emerġenza.
Il-kumpanija rringrazzjat lill-klijenti talli kkoperaw magħha, u saħqet li se tiddedika ruħha sabiex il-pajjiż ma jibqax jiddependi biss minn sors wieħed ta' enerġija.
Aktar kmieni, il-Ministru Konrad Mizzi kkonferma li l-qtugħ ta’ dawl fil-gżejjer Maltin matul il-ħinijiet bikrin tat-Tlieta, u aktar tard filgħodu, aktarx kienu kawża ta’ għargħar kbir li laqat l-impjant tal-interconnector fi Sqallija.
Dan qalu f’konferenza tal-aħbarijiet li fiha ngħataw aktar dettalji dwar ir-raġunijiet tal-qtugħ ta’ dawl estensiv.
Il-Ministru qal li ammonti kbar ta’ ilmijiet f’Ragusa kkawżaw ħsarat fid-distribuzzjoni bl-interconnector li hu mqabbad mat-terminal station tal-Magħtab.
Spjega li din kienet il-kaġun tat-tieni qtugħ ta’ dawl, filwaqt li rrimarka li dak ta’ matul il-lejl seħħ minħabba ħsarat fl-infrastruttura tal-interconnector.
Temm jgħid li dawn l-inċidenti jkomplu jikkonfermaw li ma jagħmilx sens li Malta tkun tiddependi biss mill-interconnector, filwaqt li sostna l-importanza ta’ enerġiji differenti li jissupplixxu d-dawl.
Aktar kmieni partijiet kbar minn Malta reġgħu bla dawl għat-tieni darba fi ftit sigħat. L-inħawi tal-iklin, partijiet minn Birkirkara, il-Ħamrun, ir-Rabat, il-Marsa, Ħaż-Żabbar, Biżebbuġa, u Għawdex kienu bla dawl għall-ħabta tat-8.30am.
Dan wara li bosta qamu matul il-lejl u sabu li ma kellhomx dawl. Dan hekk kif il-provvista tad-dawl mal-pajjiż kollu kienet maqtugħa għal madwar 4 sigħat.
L-Enemalta plc qalet li d-dawl inqata’ għall-ħabta tas-1.40am, iżda reġa’ ġie lura fil-5.30am.
Minħabba xi diffikultajiet, l-interconnector bejn Malta u l-Italja, kif ukoll sorsi oħra lokali ta’ ġenerazzjoni ta’ dawl li jinsabu f’Marsaxlokk kellhom jintfew.
L-ewwel impjanti ta’ emerġenza fil-powerstation ta’ Delimara bdew joperaw sa siegħa wara li nqata’ d-dawl, u nħawi f’Malta reġgħu kienu bid-dawl fit-3.10am.
Il-kumpanija rrimarkat li bagħtet ukoll inġiniera f’Ragusa fejn hemm it-terminal tal-interconnecter sabiex isolvu l-problema.
L-Inġinier tal-kumpanija, Fredrick Azzopardi, irringrazzja lill-ħaddiema li ħadmu lejl sħiħ sabiex id-dawl jerġa’ jasal għand il-konsumatur fl-inqas ħin possibbli mingħajr ma saret ħsara lill-infrastruttura tad-dawl f’Malta.