Malta bl-ogħla żieda fil-popolazzjoni

Is-sena l-oħra, Malta kellha l-aktar żieda fil-popolazzjoni mill-pajjiżi Ewropej kollha, bil-Lussemburgu u l-Iżvezja jsegwuha.

Il-popolazzjoni ta’ Malta kienet stmata li laħqet madwar 475,000 persuna.

Iċ-ċifri tal-Eurostat juru li 19-il pajjiż kellu żieda fil-popolazzjoni filwaqt li 9 pajjiżi kellhom tnaqqis.

Il-Eurostat qalet li għalkemm is-sena l-oħra fil-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea twieldu inqas nies milli mietu, il-popolazzjoni xorta waħda kibret b’aktar minn miljun u mitt elf ruħ minħabba l-immigrazzjoni.

Il-Partit Nazzjonalista jikkummenta:

Il-Partit Nazzjonalista stqarr li żieda fil-popolazzjoni titfa’ pressjoni fuq numru ta’ setturi, speċjalment f’pajjiż żgħir bħal Malta li diġà kien ibati mill-ogħla densità ta’ popolazzjoni fl-Ewropa. Il-kirjiet tant għolew li qed jitfgħu taħt pressjoni lill-industriji ġodda bħall-gaming li mhux qed isibu kirjiet raġonevoli għall-ħaddiema barranin li jġibu.

Dan apparti t-theddida soċjali qawwija għall-Maltin li jiddependu fuq il-kiri għal saqaf fuq rashom.

Il-Partit Nazzjonalista kompla billi jgħid li immigrazzjoni bla pjan, maħsub biss biex jonfoħ it-totali ekonomiċi, jaf jwassal għal tbatija bla bżonn kemm għall-barranin stess kif ukoll għall-Maltin.

Biex is-soċjetà tiddibatti b’mod raġunat dwar dan il-qasam, jeħtieġ li l-Gvern ikun akar trasparenti dwar il-pjan tiegħu fuq l-immigrazzjoni. Fl-istess waqt, il-Partit Nazzjonalista stqarr li dan il-pjan irid jagħti kas il-konsegwenzi kollha ta’ żieda hekk qawwija t’immigrazzjoni, kif ħareġ illum mill-pubblikazzjoni tal-Eurostat.