Malta bl-ogħla taxxa fuq il-karozzi fl-UE; petizzjoni biex titnaqqas

Il-Malta Automobile Club ħareġ petizzjoni biex titnaqqas it-taxxa fuq il-vetturi f’Malta, wara li stħarriġ tal-Kummissjoni Ewropea wera li Malta għandha l-ogħla rata ta’ taxxa fuq il-vetturi fl-Unjoni Ewropea.

Ir-rata ta’ taxxa ta’ Malta hi ta’ 3.5%, id-doppju ta’ dik tar-Renju Unit, 1.7%, u t-triplu tal-medja tal-istati membri tal-Unjoni Ewropea, li hi 1.2%.

Il-Klabb qal li dan huwa estrem bla bżonn, peress li Malta bħalissa għaddejja minn eċċess finanzjarju, u b’hekk is-sidien tal-karozzi qed jiġu ddiskriminati meta kkumparati ma’ sidien oħra fl-Ewropa.

Fi stqarrija, il-Malta Automobile Club irrimarka li xi snin ilu, il-Kummissjoni Ewropea kienet issuġġeriet li t-taxxa għar-reġistrazzjoni tal-vetturi titneħħa. F’każ li ma titneħħiex, it-taxxa ma kellhiex tkun aktar minn 10% tal-prezz qabel it-taxxa.

Il-Klabb fakkar li din it-taxxa titħallas minn studenti, ħaddiema u pensjonanti fost l-oħrajn, għalhekk ikun aħjar għal nies ġejjin minn oqsma differenti tal-ħajja jekk it-taxxa tonqos.

Il-Malta Automobile Club ħeġġeġ lin-nies biex jiffirmaw il-petizzjoni tagħhom favur it-tnaqqis tat-taxxa qabel jitħabbar il-baġit tal-2019.