Ta’ bejn it-18 u l-24 f’Malta l-inqas li jistudjaw fl-Ewropa

Malta għandha l-ogħla rata ta’ persuni fl-Unjoni Ewropea (UE) li għandhom bejn it-18 u l-24 sena u preżentement mhumiex jistudjaw jew jitħarrġu. Fl-istess ħin, Malta kklassifikat fir-raba’ post mill-aħħar bejn l-Istati Membri f’dawk li huma persuni bejn it-30 u l-34 sena li lestew l-edukazzjoni terzjarja.
Ċifri ġodda maħruġa mill-Eurostat jistħarrġu kemm persuni jkomplu jistudjaw jew qed jistudjaw bħalissa, b’attenzjoni fuq dawk ta’ bejn it-18 u l-34 sena.
Fost l-oħrajn, minkejja li f’10 snin, jiġifieri bejn l-2006 u l-2016, ir-rata ta’ persuni bejn it-18 u l-24 sena li mhumiex jistudjaw naqset bi 12.6%, xorta Malta ġiet fl-aħħar post fl-UE bi 19.6%, jiġifieri 9.6% bogħod mill-miri tal-UE tal-2020 għall-edukazzjoni.
Minn dan il-grupp ta’ nies, il-perċentwal ta’ rġiel naqas bi 13%, filwaqt li tan-nisa naqas bi 12.3%.
Jekk imbagħad jiġi analizzat il-grupp ta’ persuni ta’ bejn it-30 u l-34 sena li lestew l-edukazzjoni terzjarja, iċ-ċifri juru li f’14-il sena, jiġifieri bejn l-2002 u l-2016, f’Malta l-perċentwal tela’ minn 9.3% għal 29.8%, jiġifieri 3.2% bogħod mill-miri tal-2020 għall-edukazzjoni.
Minn dal-grupp, Malta rat żieda sostanzjali ta’ 24.2% f’dak li huma nisa li lestew l-edukazzjoni terzjarja, filwaqt li għall-irġiel iċ-ċifra żdiedet b’16.9%.