Malta bl-ikbar żieda ta’ xogħol fl-Ewropa

Malta kellha l-akbar żieda ta’ xogħol fl-Unjoni Ewropea fl-aħħar kwart tas-sena li għaddiet meta l-medja taż-żieda fl-Unjoni Ewropea kienet 0.3% filwaqt li f’Malta kienet ta’ 1.8%.
Dan ġie ppubblikat illum fl-istatistika tal-Eurostat li fiha ġew ippubblikati ċifri mill-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.
L-aktar żieda wara Malta kienet irreġistrata fl-Estonja b’1.6% u l-Finlandja b’1.2%, filwaqt li l-Italja u l-Polonja rreġistraw tnaqqis ta’ 0.3%.
L-istatistika tal-Eurostat turi wkoll li, bħala medja, fl-2017 l-impjiegi f’pajjiżna żdiedu b’5.4%. Il-Gvern qal li din hi l-ogħla żieda li qatt ġiet osservata għal pajjiżna mindu bdew jinġabru dawn il-figuri fl-1995.
Il-Gvern qal fi stqarrija li dan ir-rekord juri kemm it-tkabbir ekonomiku qawwi f’pajjiżna wassal għal opportunitajiet bla preċedent ta’ xogħol u għal titjib fil-qagħda tal-familji tagħna.