Malta bl-ikbar surplus fl-UE kollha fl-aħħar 10 snin

Il-Gvern qal li s-sena l-oħra Malta rreġistrat l-ikbar surplus fl-Unjoni Ewropea mill-2008 lil hawn.
Il-Gvern ippreċiża li s-surplus kien ta’ 3.9% tal-ġid nazzjonali u dan kien l-ikbar surplus mill-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.
Minbarra hekk, il-Gvern sostna li din hija l-ewwel darba li gvern Malti kellu l-aħjar riżultat finanzjarju minn fost il-gvernijiet kollha fl-Ewropa. Semma kif fl-2009 l-ebda gvern Ewropew ma kien għamel surplus.
Il-Eurostat, kompla jgħid il-Gvern, juri wkoll li s-surplus ta’ Malta żdied minn 3.2% fl-ewwel kwart tas-sena għal 4.5% fl-aħħar kwart. 
L-istqarrija tal-Gvern ittemm tgħid li l-istess statistika turi kif meta mqabbel mal-2016, is-sena l-oħra Malta kellha t-tieni l-ogħla tnaqqis fid-dejn madwar l-Unjoni Ewropea, b’5.4% tal-ġid nazzjonali.