Malta bl-ikbar distakk fl-impjiegi bejn nisa u rġiel

F’Malta ġie rreġistrat l-ikbar distakk fir-rata ta’ impjiegi bejn l-irġiel u n-nisa fil-pajiżi tal-Unjoni Ewropea.
Ċifri mill-Eurostat urew li r-rata ta’ impjiegi fost l-irġiel f’Malta s-sena l-oħra kienet ta’ 84.1% filwaqt li dik tan-nisa kienet ta’ 58%. Dan ifisser li d-distakk bejn is-sessi kienet ta’ 26.1 punt perċentwali.
Distakki għoljin ġew irreġistrati wkoll fl-Italja b’19.8 punt perċentwali u l-Greċja b’19.9 punt perċentwali.
Intant, l-iktar pajjiżi b’rati ta’ impjiegi ugwali bejn l-irġiel u n-nisa huma l-Litwanja, fejn id-distakk kien ta’ punt perċentwali, il-Finlandja b’distakk ta’ 3.5 punti perċentwali u l-Iżvezja b’distakk ta’ 4 punti perċentwali.
Id-differenza medja ta’ rata ta’ impjiegi fl-Unjoni Ewropea kienet ta’ 11.5 punt perċentwali.
L-istqarrija tal-Eurostat tindika wkoll li r-rata ta’ impjiegi fl-Unjoni Ewropea resqet iktar viċin il-miri stabbiliti għall-2020 hekk kif ir-rata żdiedet b’punt perċentwali għal 72.2.
Il-miri tal-Ewropa għall-2020 jesiġu li fl-Unjoni Ewropea jkun hawn 75% tal-persuni fl-età ta’ bejn 20 u 64 sena li jkunu jaħdmu.