Malta bl-ikbar ammont ta’ permessi ta’ residenza

Malta tat l-ikbar ammont ta’ permessi ta’ residenza lil nies barra mill-Unjoni Ewropea fost l-Istati Membri kollha. Fl-2018, Malta tat 35 permess ta’ residenza għal kull 1,000 persuna li tgħix Malta.

Skont statistika ppubblikata mill-Unjoni Ewropea, meta tikkunsidra biss ammont ta’ permessi li ngħataw, il-Polonja ġiet l-ewwel b’635 000. Però, meta tikkunsidra l-popolazzjoni ta’ pajjiż, Malta tiġi li tat persentaġġ ogħla ta’ permessi. Wara Malta, kien hemm Ċipru, b’24 permess għal kull elf li jgħixu hemm.

Fl-2018, b’kollox intgħataw 3.2 miljun permess ta’ residenza lil ċittadini li mhux parti mill-Unjoni Ewropea.  Dan in-numru żdied bi 13,000 mill-2017. L-ikbar raġuni f’din iż-żieda hija minħabba studenti li jiġu jistudjaw fl-Unjoni Ewropea. Minn naħa l-oħra, permessi li ngħataw għal raġunijiet ta’ xogħol naqsu b’124,000.