​Malta bl-aqwa ottimiżmu ekonomiku fost il-pajjiżi tal-Ewro

Il-Gvern Malti esprima s-sodisfazzjon tiegħu li għat-tlettax-il xahar konsekuttiv, Malta għandha l-ogħla livell ta’ ottimiżmu fost il-pajjiżi kollha taż-żona ewro.
Ħafna minn dawk intervistati f’dan l-istħarriġ qalu li bħalissa qegħdin f’pożizzjoni li jagħmlu akkwist relattivament kbir minħabba li għandhom dħul tajjeb.
Dan l-istħarriġ sar mill-Kummissjoni Ewropea fost ażjendi u konsumaturi Maltin u Għawdxin. Fl-aħħar xahar il-Gvern qal li l-indiċi tas-sentiment ekonomiku kien ta’ 14% aktar għoli mill-medja ta’ kemm ilu jiġi mkejjel dan l-indikatur.
Il-Gvern semma kif f’Ġunju kien hemm ottimiżmu fuq l-andament tan-negozju prattikament fis-setturi kollha tal-ekonomija f’Malta.
Jispikka l-ottimiżmu fis-settur tal-bejgħ, dak tas-servizzi u s-settur tal-industrija.