Malta bl-akbar tkabbir ekonomiku fiż-żona Ewro

Malta kellha l-akbar tkabbir ekonomiku fiż-żona Ewro fl-ewwel nofs tal-2018 skont rapport ippublikat mill-aġenzija internazzjonali DBRS.

F’rapport ippubblikat fit-18 ta’ Settembru, id-DBRS qalet li l-aħjar pajjiżi fejn jidħol l-ammont tat-tkabbir ekonomiku fiż-żona Ewro kienu Malta, il-Latvja, u s-Slovenja. Il-pajjiżi li marru l-agħar kienu l-Italja, il-Belġju, u Franza.

Skont id-DBRS, Malta kienet fost it-tliet pajjiżi bl-inqas rata ta’ qagħad fiż-żona Ewro. Fit-tieni kwart tal-2018 ir-rata tal-qagħad kienet dik ta’ 3.9%. Instab li fl-istess perjodu Malta kellha tkabbir ta’ 5.7% fil-Prodott Gross Domestiku (PGD) tagħha.

F’Awwissu, id-DBRS ikkonfermat ir-rating ta’ Malta bħala ‘A High’ u rata medja ta’ R-1 fil-futur bi prospett stabbli. DBRS qalet li l-ekonomija Maltija hija fost dawk li rreġistraw l-aqwa rata ta’ tkabbir mill-pajjiżi taż-żona Ewro meta telgħet għal 6.4%.