Malta bl-akbar distakk fl-UE bejn il-ħaddiema nisa u rġiel

Malta għandha l-akbar distakk perċentwali fl-Unjoni Ewropea (UE) f’dak li għandu x’jaqsam xogħol għan-nisa u l-irġiel. Minkejja dan, tinsab xagħra ’l bogħod milli tilħaq il-miri tax-xogħol tal-Unjoni Ewropea għall-2020.
Ċifri ġodda tal-Eurostat jitkellmu dwar il-qagħda tas-sezzjoni tal-poplu Ewropew li jista’ jaħdem, jiġifieri dawk ta’ bejn l-20 u l-64 sena, għas-sena tal-2016. Is-sena l-oħra, din is-sezzjoni kienet tammonta għal 71.1% tal-popolazzjoni kollha fl-Istati Membri.
Fost l-oħrajn, iċ-ċifri juru li l-qasma li hemm bejn in-nisa u l-irġiel li jistgħu jaħdmu, hija l-ogħla fl-UE. F’Malta, 83.1% ta’ dawk l-irġiel li jistgħu jaħdmu qed jaħdmu bħalissa, waħda mill-ogħla fl-UE, filwaqt li 55.5% biss tan-nisa li jistgħu jaħdmu qed jaħdmu. Id-differenza hi ta’ 27.6 punti perċentwali.
L-aktar pajjiż li m’għandux dan id-distakk huwa l-Litwajna, bil-Finlandja u l-Latvja jsegwu. Distakki kbar oħra ġew irrekordjati fl-Italja, il-Greċja u r-Rumanija.
Minkejja dan, Malta tinsab biss 0.4 punti perċentwali ’l bogħod milli tilħaq il-miri 2020 tal-UE, jiġifieri li 70% tal-popolazzjoni li tkun tista’ taħdem tkun fil-fatt qed taħdem.