Malta b’kabinett daqs ta’ Iżrael

Kevin Abela

Malta għandha 26 membru tal-kabinett, l-istess għadd ta’ membri tal-gvern ta’ pajjiż b’popolazzjoni 20 darba ikbar minn Malta. Iżrael għandu popolazzjoni ta’ kważi 9 miljun persuna, filwaqt li Malta għandha 425,023 ċittadin.

Malta għandha membru tal-kabinett għal kull 16,347 ċittadin, filwaqt li Iżrael għandu wieħed għal kull 334,664.

Newsbook.com.mt ta daqqa t’għajn lejn 20 pajjiż madwar id-dinja, kemm fl-Ewropa kif ukoll lil hinn minnha, sabiex jara kemm hemm membri tal-Gvern f’pajjiżi mmexxija minn Prim Ministri.

L-Iżlanda, pajjiż b’popolazzjoni qrib Malta (340,277), għandha 11-il membru tal-kabinett. Dan ifisser li l-Iżlanda għandha membru tal-kabinett għal kull 31,000 persuna. Malta għandha Ministru jew Segretarju Parlamentari għal kull 3.8% tal-popolazzjoni, filwaqt li l-Iżlanda għandha wieħed għal kull 9.1% tal-popolazzjoni.

Pajjiż ieħor b’popolazzjoni viċin dik ta’ Malta huwa l-Montenegro fejn hemm jgħixu 629,457 persuna. Fl-istess pajjiż, il-kabinett huwa magħmul minn 21 membru. Pajjiżi bl-istess għadd ta’ membri tal-Gvern huma l-Kroazja (6.9 miljun persuna) u l-Bulgarija (4.2 miljun persuna).

Il-Belġju, pajjiż b’popolazzjoni ta’ 11.6 miljun persuna għandu 13-il membru tal-kabinett. Intant, id-Danimarka li għandha nofs il-popolazzjoni tal-Belġju, jiġifieri 5.8 miljun għandha kabinett li fih 20 membru. Simili għad-Danimarka hemm in-Norveġja.

Il-Ġappun, li jinsab fil-11-il post fil-klassifika tal-popolazzjoni dinjija, għandu 24 membru tal-kabinett li jridu jlaħħqu ma’ 125.9 miljun persuna. Pajjiż bl-istess numru ta’ membri tal-kabinett huwa l-Olanda, iżda hemm kemxejn ta’ differenza fil-popolazzjoni. Dan hekk kif fl-Olanda hemm popolazzjoni ta’ 17.2 miljun persuna. Dan ifisser li filwaqt li fil-Ġappun hemm membru tal-kabinett għal kull 5.2 miljun persuna, fl-Olanda hemm wieħed għal kull 716,600 persuna.

Ir-Renju Unit u l-Iżvezja għandhom 23 membru tal-kabinett kull wieħed. Madanakollu l-popolazzjoni fiż-żewġ pajjiżi hija wkoll kemxejn differenti. Dan hekk kif fir-Renju Unit hemm 66.6 miljun persuna, filwaqt li fl-Iżvezja hemm popolazzjoni ta’ 10.2 miljun.

Figura interessanti hija dik tal-Awstralja hekk kif il-kabinett tal-pajjiż huwa magħmul minn 42 persuna. Il-popolazzjoni hija dik ta’ 25.8 miljun persuna.

Intant, il-Latvja u l-Ungerija, li għandhom 14-il membru tal-kabinett kull wieħed għandhom qabża sostanzjali fil-popolazzjoni. Fil-Latvja hemm popolazzjoni ta’ 1.9 miljun u fl-Ungerija, il-popolazzjoni hija ta’ 9.7 miljun persuna. Dan ifisser li filwaqt li fil-Latvja hemm membru tal-kabinett għal kull 133,129 persuna, fl-Ungerja hemm membru għal kull 693,731 persuna.