Malta bit-tieni l-ogħla rata ta’ każijiet tal-coronavirus fl-UE

Miguela Xuereb

Read in English.

Malta hija t-tieni pajjiż bl-ogħla rata ta’ każijiet tal-coronavirus fl-Unjoni Ewropea, skont riċerka ppubblikata miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC).

L-ECDC kejlet il-preżenza tal-coronavirus f’31 pajjiż, 30 pajjiż li huma parti miż-Żona Ekonomika Ewropea (EEA), li tinkludi s-27 pajjiż membru tal-Unjini Ewropea, u r-Renju Unit. Din il-preżenza ġiet magħduda bin-numru ta’ każijiet għal kull 100,000 persuna fl-aħħar ġimagħtejn.

Fl-14-il jum ta’ qabel ħarġet din l-istatistika, Malta kellha 104.7 każ għal kull 100,000 persuna. Spanja ġiet qabel Malta bir-rata ta’ 130.8. It-tielet l-ogħla rata kienet fil-Lussemburgu b’94.8 każ għal 100,000 persuna.

Il-pajjiżi bl-aktar rati baxxi huma l-Latvja bi 3.9, l-Ungerija b’4.3 u l-Finlandja b’5.3. Il-Latvja u l-Finlandja huma fost il-pajjiżi li ħarġu restrizzjonijiet fuq ir-residenti li jżuru Malta għal vaganza.

Minkejja l-għadd kbir ta’ każijiet, Malta hija waħda mis-sitt pajjiżi li ma rreġistraw l-ebda mewta b’rabta mal-coronavirus fl-aħħar ġimgħat. L-ogħla rata ta’ mwiet hija tar-Rumanija, 3.1 mewtiet għal kull 100,000 persuna, imbagħad il-Bulgarija b’1.6 u l-Lussemburgu b’mewta waħda għal kull 100,000 persuna.

Illum Malta kellha 47 każ ġdid, biex issa t-total ta’ każijiet attivi huwa ta’ 677.

L-aħħar ċifri tal-coronavirus f’Malta
47 każ ġdid tal-coronavirus