Malta bit-tieni l-ogħla rata ta’ każi ġodda fl-UE; bżonn aktar miżuri – tobba

swabbing center

Read in English.

L-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) u l-Assoċjazzjoni għall-Mediċina tas-Saħħa Pubblika (MAPHM) qed jappellaw sabiex jidħlu fis-seħħ aktar miżuri hekk kif sostnew li Malta issa għandha t-tieni l-ogħla rata ta’ każi ġodda fl-Unjoni Ewropea. Qalu li dan abbażi ta’ medja tal-aħħar 14-il ġurnata fejn il-pajjiż ra total ta’ 46 każ ġdid kuljum.

Fi stqarrija kmieni dalgħodu, l-assoċjazzjonijiet qalu li jinsabu mħassba hekk kif bħala riżultat taż-żieda fil-każi f’Malta, 16-il pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea introduċew restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar minn u lejn Malta. Spjegaw li l-wasliet ta’ turisti lejn Malta naqas b’mod sinjifikanti u se jkun qed joħloq dannu serju u twil fuq l-ekonomija u s-settur tat-turiżmu. “Hemm bżonn li jittieħdu miżuri neċessarji biex in-numru ta’ każi ġodda li jinstabu ta’ kuljum jinżel għal taħt l-10.

Il-firxa qed tiżdied qalb il-vulnerabbli

L-assoċjazzjonijiet qalu li filwaqt li s-servizzi tas-saħħa jidher li qed jirnexxielhom ilaħħqu mad-domanda li ħoloq il-virus, huwa inevitabbli li l-firxa qalb il-vulnerabbli qed tiżdied. Qalu li meta dan jiġri, jfisser li jkun hemm riskju ta’ mwiet ta’ persuni li setgħu ġew evitati. Apparti minn hekk, 10% tal-pazjenti li jiddaħħlu l-Isptar Mater Dei jaf ikollhom bżonn xhur twal ta’ kura biex jerġgħu lura għall-istat ta’ saħħa normali li kellhom qabel.

Għażla teżisti…

L-assoċjazzjonijiet irrimarkaw li teżisti għażla bejn li l-pajjiż ikompli għaddej bil-miżuri kurrenti jew inkella jintroduċi miżuri oħra li jnaqqsu n-numru ta’ każi li jinstabu kuljum b’rata aktar mgħaġġla. Qalu li jekk Malta jirnexxiela tinżel lura għal-livell ta’ każi li kellha f’Ġunju, se jkun hemm benefiċċju kemm għas-saħħa pubblika, kif ukoll ekonomiċi.

“Malta għandha bżonn li tara li l-firxa tonqos b’mod rapidu biex jinfetħu mill-ġdid il-portijiet u jkun issapportjat aħjar is-settur għat-turiżmu. Malta għandha bżonn ukoll tikseb mill-ġdid il-fiduċja ta’ gvernijiet barranin biex ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar jitneħħew. Malta tista’ biss tippromwovi lilha nnifisha bħala gżira sigura għat-turiżmu ladarba tkun iddikjarata sigura minn standards epidemjoloġiċi,” inistew l-assoċjazzijiet. Abbażi ta’ dan talbu għal:

  • Aktar miżuri restrittivi skont il-pariri tas-Superintendent għas-Saħħa Pubblika.
  • Li vvjaġġar lejn Malta kemm permezz ta’ vapur kif ukoll permezz ta’ ajruplan isir biss jekk wieħed jipprovdi test validu negattiv tal-coronavirus li jkun sar sa massimu ta’ 72 siegħa qabel il-vjaġġ. Qalu li dan għandu jappella għal kull pajjiż u anke għal Maltin li jkunu se jirritornaw Malta sakemm jinstab vaċċin. Qalu li kull min jasal Malta mingħajr test validu għandu jkun sottopost għal test li jkollu jħallas minn butu u jitħalla jidħol fil-pajjiż biss jekk it-test ikun sar.
  • Id-data ta’ skadenza tal-użu tal-vawċers tal-Gvern għandha tkun estiża għal Diċembru.