Malta bit-tieni l-ikbar żieda fil-bejgħ mill-ħwienet

Bejn Frar li għadda u x-xahar ta’ qabel, iż-żieda fil-bejgħ f’Malta kienet it-tieni l-ikbar żieda fl-UE.
Skont il-Eurostat, fit-tieni xahar tas-sena, Malta kellha żieda ta’ 1.1% fil-bejgħ mill-ħwienet, l-istess bħas-Slovenja, u 0.1% biss inqas mil-Latvja, li kellha l-ikbar żieda fl-UE kollha.
Tmien pajjiżi kellhom inqas bejgħ fi Frar milli f’Jannar.
B’mod ġenerali, l-UE kollha kemm hi żammet l-istess bejgħ bejn Jannar u Frar, waqt li l-pajjiżi tal-munita ewro naqqsu l-bejgħ b’0.2%.
Meta t-tqabbil isir fuq bażi ta’ sena, Malta kellha żieda fil-bejgħ mill-ħwienet ta’ 5.2%.
It-28 pajjiż tal-UE kellhom żieda ta’ 3.6% waqt li dawk bil-munita ewro kellhom żieda ta’ 3%.