‘Malta bit-tieni l-aqwa tkabbir ekonomiku fost il-pajjiżi tal-Ewro’ – Kummissjoni Ewropea

Rapport tal-Kummissjoni Ewropea jgħid li matul din is-sena, Malta mistennija jkollha it-tieni l-aqwa rata ta’ tkabbir ekonomiku fost il-pajjiżi kollha tal-Ewro b’żieda ta’ 1.5%. L-istess rapport jgħid li filwaqt li Malta mistennija tirreġistra tkabbir, il-medja fiż-żona ewro għall-2013 se tibqa’ dik li l-ekonomija tal-pajjiżi se tiċkien b’0.3%.

Il-Kummissjoni Ewropea tkompli tgħid li l-prospetti għall-ekonomija Maltija fl-2014 mistennija jkomplu jitjiebu biex ilaħħqu rata ta’ 2.0%. Jingħad ukoll li l-ekonomija Maltija miexja fid-direzzjoni t-tajba fejn Malta qabdet ritmu tajjeb fit-tkabbir ekonomiku kif ukoll fejn jidħol is-settur tal-ħolqien tax-xogħol.

Ir-rapport ikompli jgħid li s-suq tax-xogħol f’Malta wera li huwa wieħed sod u li r-rata ta’ tkabbir ekonomiku se tibqa’ b’mod sinifikanti iktar għolja mill-medja Ewropea.
Fl-istess waqt il-Kummissjoni Ewropea tirreferi għas-sitwazzjoni politika inċerta fil-pajjiż u tgħid li qabel l-elezzjoni ġenerali jista’ jkun hemm xi impatt negattiv fil-kunfidenza tal-konsumaturi u tal-intrapriżi.