Malta bit-tielet l-akbar turnout fl-elezzjonijiet Ewropej

Read in English.

Malta għandha t-tielet l-akbar turnout ta’ votanti fl-elezzjonijiet Ewropej fost l-Istati Membri. Dan ħareġ mill-istatistika maħruġa fuq il-websajt tal-Parlament Ewropew.

Fl-ewwel post, bl-akbar għadd ta’ votanti hemm il-Belġju bi 88.47%, segwit mill-Lussemburgu b’84.10%, imbagħad Malta bi 72.70%. Il-pajjiż bl-inqas numru ta’ votanti kien is-Slovakkja fejn marret tivvota biss 22.74% tal-popolazzjoni. Il-medja Ewropea kienet dik ta’ 50.82%, fejn ġie rreġistrat l-akbar turnout fl-aħħar 20 sena għal dawn l-elezzjonijiet.

Aqra: Il-Kummissjoni Elettorali tħabbar is-6 MEPs eletti

Il-partiti l-kbar iżommu żewġ terzi tas-siġġijiet

Il-Partiti kommessi li jsaħħu l-Unjoni Ewropea jidher li żammew żewġ terzi tas-siġġijiet fil-Parlament Ewropew, għaldaqstant, informazzjoni uffiċjali qed turi li l-elezzjonijiet wasslu sabiex partiti tal-lemin estrem u dawk nazzjonalisti jiksbu aktar siġġijiet u saħħa fil-parlament.

L-aħħar riżultati proviżorji maħruġa mill-Parlament Ewropew qed jgħidu li t-terminu ta’ bejn l-2019 u l-2024 se jerġa’ jara lill-Partit Popolari Ewropew (EPP) bl-akbar numru ta’ siġġijiet. Sa issa jidher li akkwista total ta’ 182 siġġu. L-MEPs tal-Partit Nazzjonalista se jkunu jagħmlu parti minn dan il-partit. Intant, it-tieni l-akbar partit se jkun dak tas-Soċjalisti-Demokratiċi (S&D) li se jkollu 147 siġġu, erba’ minnhom jappartjenu għall-MEPs eletti tal-Partit Laburista.

Minkejja li baqgħu l-akbar partiti, xorta waħda tilfu numru sostanzjali ta’ siġġijiet li marru sabiex jagħtu s-saħħa lill-partiti aktar estremi u li jistgħu joħolqu tensjoni fl-Unjoni Ewropea. Kemm il-PPE kif ukoll l-S&D jidher li tilfu total ta’ 37 siġġu kull wieħed.