Malta bit-3 l-aħjar rata ta’ qgħad fl-UE

Ir-rata tal-qgħad f’Malta f’Diċembru li għadda kienet it-tielet l-aħjar fost it-28 pajjiż membru tal-UE.
Daqs ir-Repubblika Ċeka, Malta kellha rata ta’ 5.8%, meta l-inqas kienet il-Ġermanja b’4.8% u l-iktar, il-Greċja b’25.8%.
Il-medja Ewropea kienet ta’ 9.9% waqt li dik taż-żona ewro kienet ta’ 11.4%.
L-istatistika aġġornata tal-Eurostat turi li f’sena, ir-rata tal-qgħad f’Malta niżlet b’0.7%, u naqset kważi bl-istess rata kemm għall-irġiel ifittxu x-xogħol u anke għan-nisa.
Fejn jidħlu ż-żgħażagħ ta’ taħt il-25 sena, ir-rata ta’ dawk li ma jaħdmux baqgħet ta’ 13.2%. L-agħar sitwazzjoni għaż-żgħażagħ u x-xogħol f'Diċembru kienet fi Spanja, fejn 51.4% ta' dawk taħt il-25 sena ma jaħdmux.