Malta trid iktar turisti Taljani

Malta qed timmira li tkompli tattira iżjed turisti mill-Italja.
L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (l-MTA) se tkun qed tiffoka fuq id-diversità tal-gżejjer Maltin li jistgħu iservu ta’ destinazzjoni turistika għall-bosta raġunijiet.
Fost dawn, Malta se tkun reklamata bħala destinazzjoni għall-għaddasa, għall-ipprattikar ta’ diversi dixxiplini sportivi, bħala ċentru għat-tagħlim tal-lingwa Ingliża fost it-Taljani, għall-istorja u l-kultura li toffri kif ukoll bħala destinazzjoni għal żjara qasira.
Fil-ġranet li għaddew l-MTA laħħqet lil Claude Zammit Trevisan bħala d-Direttur il-ġdid għall-Italja.
Dan l-aħħar Zammit Trevisan kien jokkupa l-kariga ta’ maniġer fis-settur tal-Marketing fi Franza.
Fi stqarrija l-MTA qalet li bis-suq Taljan jikklassifika fit-tieni post bħala l-iktar wieħed b’saħħtu għat-turiżmu f’Malta, id-direttur il-ġdid għandu jgħin sabiex kif ġara fis-settur Franċiż, ikompli jittejjeb is-suq tat-turiżmu Taljan.