​Malta b’iktar Kummissarji tal-Pulizija mill-Afrika t’Isfel f’4 snin

Malta taqbeż l-Afrika t’Isfel fl-għadd ta’ Kummissarji tal-Pulizija li kellha fi ftit snin.
Hekk kif Malta kellha ħames Kummissarji tal-Pulizija differenti f’inqas minn erba’ snin fl-aħħar leġiżlatura, l-Afrika t’Isfel kellha ħames kummissarji tal-Pulizija differenti fl-aħħar tmien snin.
Dawn il-Kummissarji fl-Afrika t’Isfel kellhom jitneħħew minħabba l-allegazzjonijiet li saru fil-konfront tagħhom. L-akkużi kienu jvarjaw minn korruzzjoni għal imġiba ħażina u mmaniġġjar ħażin mill-Pulizija ta’ qtil ta’ 17-il persuna.
Skont is-sit TimesLIVE, is-Soċjetà Ċivili fl-Afrika ta’ Isfel qed titlob lill-Parlament biex jintervjeni fil-ħatra tal-Kummissarju Nazzjonali tal-Pulizija.
Il-Kap tal-Istitut għall-Istudji dwar is-Sigurtà Gareth Newham qal li l-kummissarji kienu qed jintgħażlu minħabba l-lealtà lejn il-President u mhux minħabba l-kapaċitajiet tal-persuna.
Sadanittant f’Londra fl-2008, il-Kummissarju tal-Metropolitan Police irriżenja wara li tilef il-fiduċja tas-Sindku ta’ Londra. L-aktar kwistjoni notevoli kienet dwar ħidma kontra t-terroriżmu fl-2005 li fiha raġel innoċenti nqatel mill-Pulizija.