Malta bi tkabbir eknomiku; trid tiġġieled il-korruzzjoni – IMF

Aġġornat 05:32 PM
Luke Zerafa

Read in English.

Malta gawdiet minn tkabbir ekonomiku rapidu fl-aħħar snin però trid tkabbar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, skont il-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF).

L-IMF qal dan fi stqarrija wara li għamel żjara uffiċjali f’Malta.

Intqal li Malta gawdiet minn tkabbir ekonomiku rapidu kbir u li riformi strutturali għenu fl-impjieg. Intqal ukoll li Malta trid tindirizza nuqqasijiet fil-qasam ta’ kontra l-ħasil tal-flus u l-iffinanzjar tat-terroriżmu. Nuqqasijiet f’dan il-qasam jistgħu jagħmlu ħsara lill-investiment li jsir f’Malta.

Intqal ukoll li t-tkabbir ekonomiku kien qed jistrieħ fuq l-influss ta’ ħaddiema barranin. Dan wassal biex ikun hemm pressjoni fuq l-akkomodazzjoni, l-infrastruttura, u l-immaniġġjar tar-riżorsi naturali.

Rakkomandazzjonijiet prinċipali:

  • Riformi fil-qasam ta’ kontra l-ħasil tal-flus
  • Konsolidazzjoni li teskludi dħul mill-Programm tal-Investitur Individwali (il-bejgħ tal-passaporti)
  • Inkoraġġjament tal-parteċipazjoni ta’ ħaddiema akbar fl-età u ħaddiema nisa

L-IMF qal ukoll li Malta għandha żżid fil-ġlieda ta’ kontra l-korruzzjoni u li żżid l-effiċjenza tas-sistema ġudizzjarja filwaqt li tassigura l-indipendenza tagħha.

Fi stqarrija, il-Gvern qal li dan huwa t-tielet rapport pożittiv li sar dwar Malta f’ġimgħa. Il-Gvern tenna r-rieda tiegħu li jkompli jwettaq il-programm ta’ tisħiħ ekonomiku tiegħu. L-istqarrija tal-Gvern ma tkellmitx dwar il-punti dwar il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus li qajjem l-IMF.

F’reazzjoni għar-rapport, il-Partit Nazzjonalista qal li minkejja l-wegħdiet kontinwi tal-Gver li qed jieħu r-rakkomandazzjonijiet tal-Moneyval bis-serjetà, l-IMF hija kritika dwar Malta fejn jidħol l-attività kriminali tal-ħasil tal-flus.