Malta ddaħħal 47 immigrant

Aġġornat 03:38 PM

Read in English.

L-għaqda mhux governattiva Alarm Phone qalet dalgħodu li tinsab infurmata li l-Forzi Armati ta’ Malta għaddejja b’ħidma biex issalva 47 persuna mill-għarqa. Dawn iddaħħlu Malta waranofsinhar.

Kelliema għall-Ministeru għall-Intern ikkonfermat dan ma’ Newsbook.com.mt.

Fi tweet, Alarm Phone spjegat li dawn l-immigranti kien ilhom f’riskju li jitilfu ħajjithom fuq il-baħar għal 40 siegħa.

Id-dgħajsa f’periklu kienet qed tiġi mmonitorjata mill-ajruplan Moonbird tal-għaqda tat-tiftix u salvataġġ Sea Watch. Dan l-ajruplan kien irnexxielu jikkonferma l-pożizzjoni eżatta tad-dgħajsa li għenet sabiex dawn l-immigranti jinstabu u jiġu salvati.

It-talba għall-għajnuna waslet għand Alarm Phone kmieni lbieraħ filgħodu. Fi tweet, Alarm Phone spjegat li d-dgħajsa li fuqha kien hemm 47 immigrant, kienet ħarbet mil-Libja u kienet qiegħda fl-ibħra territorjali Maltin.

F’sensiela ta’ tweets, Alarm Phone irrakkuntat dak li saret taf mill-kuntatt li għamlet mal-immigranti abbord. Jidher li wara 30 siegħa minn meta telqu minn Zuwara fil-Libja, il-magra tad-dgħajsa waqfet taħdem. Huma ma kellhomx ġkieket tas-salvataġġ fuq id-dgħajsa.

L-immigranti spjegaw li f’ħinijiet minnhom, kien hemm ilma li beda dieħel fid-dgħajsa u bdew jibgħu li ħadd ma kien se jmur jgħinhom. Alarm Phone spjegat li setgħet tisma’ persuni jibku fl-isfond tat-telefonata.

Intant, Fl-aħħar ħinijiet, il-bastiment Open Arms daħal fil-port ta’ Pozzallo bi 363 immigrant abbord wara li Malta rrifjutat l-aċċess għall-portijiet tagħha.