Malta bdiet triq differenti minn dik tal-Ewropa – Prim Ministru

Fid-diskors tiegħu waqt il-konferenza nazzjonali ta’ Ernst & Young, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li Malta kisbet l-akbar rata ta’ tkabbir ekonomiku fost il-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea.
Qal li t-tkabbir reali kienet 3% meta mqabbel maż-0.6% fiż-żona ewro u 1% tal-Unjoni Ewropea.
Dan b’żieda ta’ 19% matul l-ewwel sitt xhur tal-2014. Joseph Muscat qal li r-rata tal-qgħad f’Malta reġgħet niżlet għalkemm diġà hija waħda mill-inqas fl-Ewropa.
Skont il-Eurostat, ir-rata tal-qgħad naqset minn 6.4% għal 5.9%, it-tielet l-inqas fl-Ewropa wara l-Ġermanja u l-Awstrija.
Qal li x-xogħol kiber bi 2.5% fuq l-istess żmien tas-sena li għaddiet u enfasizza fuq ir-rata baxxa tal-inflazzjoni.
Il-Prim Ministru tkellem dwar ir-roħs fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma u enfasizza kif Malta bdiet triq differenti minn dik tal-Ewropa.
Qal li b’din id-direzzjoni qed jingħataw inċentivi lin-nies biex joħolqu x-xogħol, attività kummerċjali ġdida.
Matul il-konferenza tkellem ukoll il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil, li matul id-diskors tiegħu qal li l-Gvern m’għandux jinjora sinjali li qed jidhru mill-istħarriġ ta’ Ernst & Young.
Qal li d-deċiżjonijiet ta’ Malta, bl-indipendenza 50 sena ilu s-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea 10 snin ilu, kienu importanti għat-tkabbir tal-ekonomija sabiex l-Ewropa tkun pjattaforma għall-kummerċ.
Busuttil qal li s-suċċess ta’ Malta tiddependi mill-viżjoni għall-futur u enfasizza li l-maturità politika titlob li tħares l-ekonomija.
Sostna li l-Gvern għandu l-mentalità li jrid ikun il-‘big brother’ b’detriment għall-istabilità finanzjarja.
Simon Busuttil qal li l-Gvern għandu jmexxi u mhux ikun involut direttament fl-investiment, filwaqt li s-settur privat għandu jkollu rwol ċentrali fl-ekonomija billi jkun iżjed dinamiku.