Malta tappoġġja lill-Bosnja-Ħerzegovina fl-UE

Il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Carmelo Abela tenna l-appoġġ ta’ Malta għall-applikazzjoni tal-Bosnja-Ħerzegovina biex tidħol fl-Unjoni Ewropea.

Waqt żjara f’Saravejo, il-Ministru Abela qal li Malta tappoġġja l-pajjiżi kollha fil-punent tal-Balkani li qed juru l-ambizzjoni li jingħaqdu mall-grupp ta’ pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea.

F’laqgħa mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin Bosnijak Igor Crnadak, Abela qal li Malta lesta li toffri appoġġ tekniku lil Bosnija fil-proċess li l-pajjiż irid jgħaddi minnu biex ikun konformi mal-liġijiet tal-Unjoni Ewropea.

Abela qal li r-rikonċiljazzjoni mal-pajjiżi ġirien hija neċessarja biex l-Bosnija tipprepara ruħha sew għad-dħul fl-UE.

Il-Ministri Malti iltaqa’ ukoll mal-Ministru tal-Affarijiet Ekonomiċi u Kummerċ Mirko Sarovic biex fetaħ diskussjonijiet bi-laterali bejn iż-żewġ pajjiżi li jinkludi ftehim għall-ħelsien mit-taxxa doppja.