Malta b’aktar ATMs mill-medja taż-Żona Ewro

Jirriżulta li f’Malta n-nies għandhom iżjed aċċess għall-ATMs mill-medja fiż-Żona Ewro. Stħarriġ li sar fl-2019 mill-Fond Monetarju Internazzjonali wera li l-medja ta’ numru ta’ ATMs hija ta’ 65.1 għal kull 100,000 persuna. Skont stħarriġ maħruġ mill-Bank Ċentrali ta’ Malta, dan in-numru jitla’ għal 96.0. Dan ifisser li f’Malta hawn 47% iżjed ATMs minn pajjiżi oħrajn fiż-Żona Ewro.

In-numru ta’ ATMs f’Malta sa Diċembru 2019 kien ta’ 405 u din iċ-ċifra tiżdied f’ċerti perjodi tas-sena. Dan ifisser li nsibu 1.28 ATMs għal kull kilometru kwadru. Huma ħamsa l-istituzzjonijiet ta’ kreditu lokali ewlenin u oħra internazzjonali li joffru s-servizz tal-ATMs, bl-użu prinċipali tagħhom ikun dak ta’ ġbid ta’ flus kontanti. Riżultat ta’ dan, in-numru ta’ nies li żaru l-banek sabiex jiġbdu l-flus mill-kontijiet tagħhom naqas tul dan l-aħħar żmien.

L-imxija tal-COVID-19  kellha impatt ukoll fuq t-tranżazzjonijiet ta’ flus kontanti sforz l-inkoraġġiment li sar sabiex jintużaw il-kards mingħajr kuntatt, kif ukoll fejn huwa possibbli jsiru ħlasijiet online.

Il-volum ta’ ġbid ta’ flus kontanti bl-użu ta’ kards maħruġin lokalment żdied minn 10.8 miljuni fl-2010 għal 13.2 miljuni fl-2019. Kien hemm żieda wkoll fil-valur li minn 1.1 biljun tela’ għal 1.9 biljun. Din iż-żieda drastika dehret ukoll fl-użu ta’ kards maħruġin barra minn Malta fejn l-ammont ta’ tranżazzjonijiet żdied minn miljun fl-2010 għal tliet miljuni fl-2019.