Malta b’€250,000 għall-fond għall-pajjiżi Afrikani waqt il-Valletta Summit

Il-kontribuzzjoni ta’ Malta fit-trust fund tal-Unjoni Ewropea għall-pajjiżi Afrikani se tkun ta’ €250,000.
Huwa mistenni li dan il-fond se jkun qed jammonta għal €1.8 biljun.
Se jkun il-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker, li se jiffirma l-ħolqien ta’ dan it-trust fund waqt iċ-ċerimonja li se ssir f’Malta waqt il-Valletta Summit għall-immigrazzjoni.
Id-dettalji ngħataw waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret fi tmiem iż-żjara ta’ delegazzjoni tas-Soċjalisti u Demokratiċi tal-Parlament Ewropew immexxija minn Gianni Pittella.
Matul il-konferenza ntqal li l-ħolqien tal-fond huwa pass importanti sakemm iwassal għal kundizzjonijiet ekonomiċi u soċjali aħjar fil-pajjiżi minn fejn l-aktar li jitilqu l-immigranti.
Matul żjara ta’ kortesija f’Kastilja fejn iltaqa’ wkoll mal-Prim Ministru Joseph Muscat, Gianni Pittella saħaq li r-ripatrijazzjoni tal-immigranti li ma jingħatawx l-ażil ma jistax isir mingħajr l-għajnuna finanzjarja.
Saħaq li jekk dawn l-immigranti jintbagħtu lura mingħajr pjan fit-tul jinħolqu aktar problemi.
Pittella qal li l-Valletta Summit huwa importanti biex tikber il-koperazzjoni bejn l-Ewropa u l-Afrika.
Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Joseph Muscat reġa’ saħaq fuq il-bżonn ta’ mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni tal-immigranti li jkun mifrux madwar id-dinja.
Intqal li għandu jkun hawn sistema ta’ monitoraġġ li jaġġorna lill-pajjiżi li se jieħdu sehem fil-Valletta Summit dwar il-progress li jkun sar fid-deċiżjonijiet li se jittieħdu.