Malta inqas attraenti wara l-qtil ta’ Daphne

Il-Managing Partner ta' EY, Ronald Attard qal li r-rapporti internazzjonali wara l-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia żgur li jħallu impatt fuq kemm Malta tkun attraenti għall-investituri barranin. Fuq nota kawta, iżda, huwa qal li wieħed irid joqgħod attent ħafna kemm jispekula. Huwa qal li dan l-impatt għad irid jitkejjel.
Ma' Newsbook.com.mt, Attard spjega li l-istħarriġ, li r-riżultati tiegħu ġew ippublikati din il-ġimgħa, sar bejn Marzu u Mejju ta’ din is-sena. Dan kien iż-żmien meta faqqa’ l-iskandlu tal-Panama Papers u ssejħet l-elezzjoni ġenerali.
Waqt li kien qed jindirizza l-konferenza ta’ Ernst & Young, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li minkejja li d-dehra ta’ Malta ttappnet bil-qtil ta' Daphne, is-sondaġġ wera li l-pajjiż qed igawdi minn ekonomija b’saħħitha li qed ittejjeb il-qagħda finanzjarja tal-familji Maltin.
Min-naħa l-oħra, waqt li kien qed jindirizza l-istess konferenza, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li r-reputazzjoni sigura li kienet tgawdi Malta theżżet bl-assassinju tal-ġurnalista, u sostna li l-pajjiż issa jrid jaħdem iktar biex ilaħħaq ma’ ekonomiji li qed jiżviluppaw.
Attard temm jgħid li, bħala pajjiż żgħir Ewropew, Malta tista’ ssir iktar attraenti għal investiment barrani billi tkun pijunier fl-użu ta’ teknoloġiji ġodda, u tinvesti iktar f’dan is-settur li ma jpoġġix piż żejjed fuq l-infrastruttura limitata tagħha.  
Qal ukoll li jkun interessanti li wieħed jara kemm-il qasam li f’dan l-istharriġ ikunu dehru li qed jiddgħajfu jirnexxielu jsaħħaħ il-pajjiż.