“Malta akbar mill-klikka li ġabet dan l-għajb” – Il-President

DOI - Clifton Fenech

Il-President George Vella talab lil kulħadd sabiex iżomm f’moħħu li r-Repubblika ta’ Malta hija ferm akbar minn “din il-klikka li ġabet dan l-għajb” fuq il-pajjiż.

Dan qalu fid-diskors tiegħu fl-okkażjoni ta’ Jum ir-Repubblika tal-2019.

Il-President irrimarka li bħalissa l-pajjiż għaddej minn ċirkustanzi partikolari li jixirqilhom l-attenzjoni kollha ta’ kulħadd. Sostna li dawn iċ-ċirkustanzi jridu jiġu analizzati mingħajr passjoni, mingħajr ma wieħed iħares lejn uċuħ, mingħajr preġudizzji, mingħajr agenda politika, mingħajr ma wieħed jistħi jgħid il-verità u mingħajr ma jitwebbsu l-irjus.

“Ċirkustanzi li skussjaw is-soċjetà Maltija”

Il-President ammetta li dawn iċ-ċirkustanzi skussjaw lis-soċjetà Maltija, għeżżew lill-istituzzjonijiet tal-pajjiż u ħammġu isem il-pajjiż madwar id-dinja. Qal li qed ikollhom effett ħażin fuq il-kredibbiltà tal-pajjiż, fuq in-negozji tiegħu u fuq l-investiment, fuq it-turiżmu u fuq l-isem tajjeb li Mata garret f’oqsma internazzjonali.

Insista li dawn id-dikjarazzjonijiet qed jagħmilhom b’qalb tqila u b’dispjaċir kbir. “Qatt m’għaddieli minn moħħi li xi darba ser nasal biex nitkellem b’dan it-ton fuq pajjiża,” kompla l-President Vella.

Irrimarka li l-aħħar ġranet ma kienux pjaċevoli, speċjalment għal kull min għandu għal qalbu l-interess tar-Repubblika ta’ Malta. Sostna li bosta għexu l-aħħar ġimgħat b’dieqa u anke forsi b’element ta’ rabja għal kull min seta’ kellu anke nitfa x’jaqsam biex żviluppat is-sitwazzjoni tal-lum.

“Kien hemm min interpreta s-silenzju tiegħi bħala nuqqas”

Il-President irrimarka li matul l-aħħar jiem, kien hemm min forsi interpreta s-silenzju tiegħu, bħala Kap ta’ Stat, bħala nuqqas. Qal li kien hemm min stenna li jitkellem aktar u jgħid aktar. Qal li hemm min għadu jaħseb li bħala President, minbarra l-awtorità morali, għandu xi poteri li bihom jikkmanda x’għandu jsir.

Insista li huma ftit li jafu kemm huma limitati l-poteri tal-President. Hu kompla jgħid li min-naħa l-oħra huwa veru li l-President għandu ħafna obbligi u responsabbiltajiet. “Huma preċiżament dawn li eżerċitajt tul dawn l-aħħar ġimgħat. Użajt dawn, flimkien mal-awtorità mogħtija lili mill-Uffiċċju tal-Presidenza fis-skiet, bl-akbar kunfidenzjalità u bi prudenza,” qal il-President Vella.

Spjega li żamm ruħu aġġornat b’dak li kien għaddej, minuta b’minuta, u ddiskuta fatti u opinjonijiet ma’ min Kostituzzjonalment huwa mistenni li jinfurmah b’dak li jkun għaddej. Qal ukoll li ta pariri li deherlu li kellu jagħti, u żamm lura milli jippronunzja ruħu pubblikament. Għaldaqstant qal li matul il-ħin kollu kien lest li, jekk jiżviluppaw ċerti ċirkostanzi, jintervjeni.

“Ikkonsultajt ma’ min għandi fiduċja”

Hu u jitkellem dwar id-deċiżjonijiet li kien mitlub jieħu, ħa l-informazzjoni meħtieġa mingħand min huwa obbligat jipprovdilu din l-informazzjoni, ikkonsulta ma’ min għandu fiduċja fil-professjonalità, fl-integrità, u fil-fibra morali tiegħu, filwaqt li ħa deċiżjonijiet b’kuxjenza serena, fil-limiti imposti fuqu mill-Kostituzzjoni.

“Bżonn ta’ għaqda nazzjonali”

B’referenza għad-diskors tal-ħatra tiegħu, il-President qal li issa aktar minn qatt qabel hemm bżonn għaqda nazzjonali, bħala Maltin u Għawdxin ta’ rieda tajba. Dan bil-għan li jingħeleb dan “l-għelt” li ġie fuq il-poplu.

Insista li min wassal lill-pajjiż f’din is-sitwazzjoni, kien min kien, ma kienx qiegħed jaħdem għall-ġid tal-poplu Malti. Qal li  dak li sar ma jista’ qatt jiġi ġustifikat. Iżda insista li hemm bżonn li kulħadd jingħaqad fit-tama li kull min għandu jerfa’ r-responsabbiltà ta’ għemilu jerfagħha u jieħu l-pieni li jġorr miegħu dan l-għemil. “Hu min hu. Ikun min ikun.”

Qal li l-poplu Malti jistenna ġustizzja iżda jkun ħażin jekk s-sentimenti jiħallew jinbidlu f’vendetta u f’mibegħda. Talab sabiex l-istituzzjonijiet investigattivi u ġudizzjarji jitħallew jagħmlu xogħolhom, bla ndħil, b’serenità u b’turija ta’ rispett lejn l-integrità, il-kompetenza u l-indipendenza tagħhom. 

“Magħkom inħossni mdejjaq, imweġġa’ u maħsud. Magħkom naqsam l-ansjetà u l-inċertezza li naf li qegħdin jiġu diskussi fil-familji, fuq il-postijiet tax-xogħol, u kull fejn jiltaqgħu l-ħbieb flimkien. Ma nħallux l-irjus jisħnu żżejjed. Inkunu moderati fl-imġiba tagħna,” kompla jgħid.

“Niddefendu isem pajjiżna”

Il-President qal li hemm bżonn li l-poplu jiddefendi isem il-pajjiż, b’mod speċjali ma’ dawk li jistgħu jużaw din l-okkażjoni biex ikomplu jħammġu u jċekknu lil Malta f’għajnejn il-barranin.

Talab sabiex ħadd ma jiddejjaq jingħaqad li jammetti li dak li seħħ fl-assassinju tal-ġurnalista s-Sinjura Daphne Caruana Galizia kien att orribbli, u jaħlef li jagħmel minn kollox biex jittieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex att bħal dan qatt ma jerġa’ jseħħ.

Appell lill-ġurnalisti

Il-President appella biex jittieħdu l-miżuri leġiżlattivi u dawk ta’ sigurtà kollha neċessarji biex tiġi assigurata il-libertà tal-istampa u tal-mezzi ta’ komunikazzjoni fil-pajjiż. Fl-istess ħin appella wkoll lill-ġurnalisti kollha sabiex jirrealizzaw ir-responsabbiltajiet kbar li jġorru f’soċjetà moderna. Appella wkoll lill-poplu kollu biex jagħmel użu aħjar mill-medja soċjali. Qal li jiddispjaċih jgħid li l-użu ta’ lingwa dispreġġattiva u messaġġi kattivi, saru fonti bla tarf ta’ firda.

Appell għall-Membri Parlamentari

Għamel appell ukoll għall-Membri Parlamentari. Hu fakkarhom fid-dover tagħhom li huwa l-ħarsien tal-libertajiet fundamentali tal-poplu li jirrappreżentaw u tal-ħolqien tal-ġid biex jitqassam b’mod ekwu fost il-poplu. Qal li huwa d-dover tagħhom ukoll li jilleġiżlaw biex issaħħu l-istituzzjonijiet tal-pajjiż, biex il-ġudikatura fil-pajjiż ikollha l-awtonomija tagħha mħarsa, sabiex idejhom ikunu msaħħa u bla xkiel ta’ xejn jaġixxu u jaqdu d-doveri tagħhom bl-akbar imparzjalità u ġustizzja.

Sostna li “inkunu għajjurin għall-ġieħ u l-importanza tal-istituzzjoni Parlamentari, u tar-rwol ewlieni li din għandu jkollha f’demokrazija ħajja. Inkunu għassiesa fid-difiża tad-drittijiet u tad-doveri tagħha.”

Hu appella wkoll għal aktar dekor fit-ton u fil-kontenut tad-dibattiti bejn il-parlamentari. “Ejja nżommu l-livell tad-diskussjonijiet rispettabbli, fuq livell ta’ rispett reċiproku u l-użu ta’ kontenut riċerkat,” insista l-President.

Appell lil dawk li jmexxu lill-istituzzjonijiet tal-pajjiż

Intant, il-President għamel appell ukoll lil dawk kollha li qed imexxu l-istituzzjonijiet fil-pajjiż.  Fakkarhom li f’soċjetà demokratika, huma dawn l-istituzzjonijiet li jassiguraw id-demokrazija u s-saltna tad dritt, u li mingħajrhom titkisser kull ordni u kull ġustizzja. Qal li jifhem li minn żmien għall-ieħor ikun hemm bżonn ta’ aġġornament kemm fil-legiżlazzjoni li tawtorizzahom kif ukoll fir-regolamenti u fil-liġijiet li jħaddmu fix-xogħol tagħhom, iżda dan ma jfissirx li dak li sar u nkiseb qabel kien kollu ħażin.

Qal li l-importanti huwa li min imexxi dawn l-istituzzjonijiet jara li jitħalla jagħmel dan bla xkiel, biex ma jħarisx lejn l-uċuħ u lejn xejn aktar fil-qadi ta’ dmirijietu.

Insista li kien għalhekk li qed nieħu ħsieb li titwettaq ix-xewqa biex wieħed jara x’riformi hemm bżonn fil-Kostituzzjoni tal-pajjiż u f’liema oqsma. Qal li dan qed isir filwaqt li qed jingħata widen għar-rakkomandazzjonijiet li għamlu entitajiet bħall-Kummissjoni Venezja biex jitwettqu r-rakkomandazzjonijiet li għoġobhom jagħmlulna.


Appell lill-media internazzjonali u pajjiż ħbieb

Il-President għamel l-appell tiegħu lill-media internazzjonali u lill-pajjiż ħbieb ta’ Malta. Hu insista “li ngħidu biss li jiddispjaċina għal dak li ġara, mhux biżżejjed.”

Qal li issa l-pajjiż irid jara li ssir ġustizzja u jaċċerta li l-ġustizzja tkun tidher li qiegħda ssir. Hu rringrazzja lil dawk il-pajjiżi kollha li għenu fl-investigazzjonijiet fir-rigward tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Iżda qal li ma’ dan il-każ mhux sewwa li titpinġa kerha Malta kollha. Qal li Malta hija ħafna akbar minn kwalunkwe grupp ta’ nies, kienu minn kienu, li huma involuti. Qal li l-irwol tal-pajjiż fil-ħolqien ta’ dak kollu li huwa tajjeb u għall-ġid tal-poplu kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll fuq dak internazzjonali m’għandux jiġi mirdum taħt il-ħażin li sfortunatament ġara.

Irrimarka li isem Malta ma jixraqlux jingħata aġġettivi derogattivi u jitniżżel fil-baxx. Sostna li l-pajjiż “għandu jibqa’ jġorr ir-rispett għat-tajjeb kollu li għamel matul is-snin, għall-kultura millennarja li għandu, għall-kontribut enormi għall-paċi fid-dinja, għall-istorja illustri tiegħu fid-difiża tal-valuri, għall-qalb kbira tal-poplu Malti u għall-potenzjal kbir li għandu fir-riżorsi umani tiegħu li msaħħa bl-edukazzjoni,  issibhom imxerrda mal-erbat irjieħ tad-dinja fl-ogħla postijiet akkademiċi u amministrattivi – iżommu isem pajjiżna fl-ogħla post li jixraqlu.”

Jindirizza lill-Maltin u l-Għawdxin

Meta dar sabiex jerġa’ jindirizza l-poplu Malti u Għawdxi, il-President irrimirka li din mhix siegħa faċli iżda l-pajjiż irid jgħaddi minnha. Qal li kulħadd għandu jara li dan it-trapass iwassal biex l-ewwel u qabel kollox tinstab u toħroġ il-verità kollha. Sostna li jrid ikun assigurat li kull min kien involut, kbir u żgħir, jerfa’ r-responsabbiltajiet tiegħu u jħallas ta’ għemilu.

“Il-poplu għandu d-dritt li jesprimi fehemtu bil-libertajiet kollha li tagħtih il-Kostituzzjoni. Aktar ma dan isir b’mod ċivili aktar ikun effettiv.”

Sostna li dan hu l-mument fejn pajjiż demokratiku u l-poplu tiegħu jgawdu mill-benefiċċji u s-salvagwardji li toffri l-istess demokrazija. Qal li s-sistema demokratika se twassal għal tranżizzjoni serena minn dan il-mument ta’ taqlib, lura għan-normalità. “Din hija l-unika triq li nistgħu nsegwu. Din għandha tkun rieda komuni. Fuq dan ma nistgħux ma naqblux. Huwa dan li għandu jgħaqqadna f’dan il-mument,” insista l-President Vella.

“Wieżnu għemilkom”

Lil kull min iġorr xi forma ta’ responsabbiltà politika, istituzzjonali jew Kostituzzjonali, il-President ħeġġu sabiex iwieżen għemilu u jaġixxi wara li fil-kalkoli tiegħu ikun poġġa l-interess nazzjonali qabel l-interess personali.

Sostna li Malta matul is-snin għaddiet minn ħafna saram. Qal iżda, li kemm jekk tajjeb jew jekk ħażin dejjem ħarġet imsaħħaħa u determinata, u kull meta ġiet wiċċ imb wiċċ ma’ sfidi bħal dawn, sabet saħħitha fl-għaqda fost il-Maltin.

Appella sabiex kulħadd japprezza u jkun kburin bil-kwalitajiet tajba li għandu l-poplu.

“Ejjew naraw kif inġibu aktar għaqda u nwarrbu dak kollu li jifridna. Ejja nibnu fuq it-tajjeb li għandna u fuq dak kollu li huwa posittiv. Ejjew nużaw aktar enerġija biex flimkien insolvu dawn il-problemi, minflok noqogħdu nippuntaw subgħajna lejn xulxin u nakkużaw lil xulxin.

Ejjew flimkien niżirgħu r-rispett lejn xulxin, indaħħlu l-fiduċja, nirrispettaw l-integrità, u naraw li nużaw il-ħin tagħna biex bil-kapaċitajiet kollha tagħna nkabbru l-ġid u nqassmuh bl-aktar mod ekwu fost il-oplu Malti u Għawdxi kollu.

Ejjew ngħinu lil xulxin u nafdaw f’xulxin,” kompla l-President.

Qal li hu jinsab konvint li l-poplu kapaċi jasal.