Il-kumpanija sussidjarja ta’ Ryanair se tkeċċi 40 ħaddiem

Aġġornat 12:14 PM
Photo: Facebook

Read in English.

Fl-ewwel ta’ Jannar, Malta Air, il-kumpanija sussidjarja tal-linja tal-ajru Ryanair, se tkeċċi mal-40 membri tal-ekwipaġġ. Ħabbret dan ir-Ryanair fi stqarrija li fiha qalet li l-General Workers Union, GWU, li tirrapreżenta lil dawn il-ħaddiema naqset milli taċċetta tnaqqis fil-paġi ta’ dawn il-ħaddiema. It-tnaqqis fil-pagi ġie deskritt mill-linja tal-ajru bħala “modest”.

F’kummenti ma’ Newsbook.com.mt, is-Segretarju Ġeneral tal-GWU, Josef Bugeja sostna li minn naħa tagħhom il-ħaddiema rrifjutaw il-proposti li għamlitilhom Malta Air. Bugeja qal li l-union tirrapreżenta 91% tal-ħaddiema li 85% irrifjutaw il-proposti, proposti li skont Bugeja xorta waħda ma kinux jagħtu garanzija li mhux se jitkeċċew aktar ħaddiema.

Fl-istqarrija ta’ ftit linji Ryanair qalet li l-ġimgħa li għaddiet kien intlaħaq qbil mal-GWU fuq ‘ftehim ta’ emerġenza’ iżda skont il-linja tal-ajru l-GWU naqset milli tonora l-ftehim.

Fl-istess stqarrija Malta Air ikkonfermat li dan il-ftehim kien jinkludi tnaqqis diċenti fil-paġi tal-impjegati u dan minħabba l-kriżi li ġabet magħha fis-settur tal-ivjaġġar, il-pandemija tal-COVID-19. Malta Air qalet li bħalissa qed tħaddem 10% biss tal-kapaċità tagħha u xorta waħda rnexxielha żżomm lill-impjegati kollha li diġà kienu impjegati magħha qabel ma feġġet il-pandemija.

Malta Air sostniet anke li s-settur tal-avjazzjoni baqalu ħafna snin biex jerġa jirkupra.

Ingħad wkoll li mingħajr dan il-ftehim ta’ emerġenza, li kien ġie maqbul mal-piloti ta’ Malta Air, it-telf ta’ impjieg ta’ dawn l-40 ħaddiem hu inevitabbli u x-xogħol tagħhom se jkollu jiġi tterminat fl-1 ta’ Jannar 2021, sostniet Malta Air.

Il-GWU tipprova ssolvi s-sitwazzjoni ma’ Malta Air

Is-Segretarju tal-GWU Josef Bugeja spjega li kien ftehim kollettiv li kellu jibqa fis-seħħ sa Marzu 2023 u li dan il-ftehim kien ġie iffirmat qabel mal-GWU ngħataw rikonoxximent biex tirrapreżenta l-ħaddiema. Skont Josef Bugeja, Malta Air ippruvat tbiddlu bi ftehim ieħor li kellu jibqa’ fis-seħħ sa Ġunju 2024.

Minn naħa tagħha l-GWU qalet li minn naħa tagħha rrifjutat li s-salarji jerġgħu jiġu lura għan-normal fl-2024 għaliex minn naħa tagħha tasal taċċetta li jitnaqqsu l-pagi iżda trid tassigura li l-impjiegi jkunu assigurati.

Malta Air kienet diġà ppruvat tkeċċi 60 ħaddiem tal-ekwipaġġ tal-ajruplani f’Ġunju ta’ din is-sena.

Josef Bugeja kompla jgħid kif minn naħa tagħhom bħala union qed jippruvaw jirrangaw is-sitwazzjoni ma’ Malta Air sabiex l-40 ħaddiem ma’ jitkeċċewx.

Il-Gvern għandu jimmobilizza l-għajnuna kollha li jista’ joffri lil dawn il-ħaddiema – PN

Minn naħa tiegħu il-Kap tal-Partit Nazzjonalista u tal-Oppożizzjoni Bernard Grech offra s-solidarjetà mal-40 ħaddiem tal-Malta Air u mal-familji tagħhom li propju fi żmien il-festi spiċċaw bla xogħol.

Grech appella lill-gvern biex jimmobilizza l-għajnuna kollha li jista’ joffri lil dawn il-ħaddiema.

Solidarjetà mal-40 ħaddiem tal-Malta Air u mal-familji tagħhom li propju fi żmien il-festi spiċċaw bla xogħol. Nappella lill-Gvern biex jimmobilizza l-għajnuna kollha li jista' joffri lil dawn il-ħaddiema.

Posted by Bernard Grech on Tuesday, December 22, 2020

Fi stqarrija il-grupp Solidarjetà Ħaddiema Partit Nazzjonalista esprimew solidarjetà mal-40 ħaddiem tal-Malta Air.

L-SĦPN staqsa kif il-Gvern bħala sieħeb f’din il-kumpanija m’għamilx dak kollu possibbli sabiex il-cabin crew ma jitkeċċewx. L-SĦPN kompla li ma kienx qiegħed jistenna li din l-aħbar tingħata lill-ħaddiema tlett ijiem qabel il-Milied.

Il-Partit Nazzjonalista appella lill-Union biex flimkien mal-Gvern jagħmlu dak kollu possibbli sabiex dawn l-impjegati jingħataw l-għajnuna kollha possibbli. Żiedu li l-Gvern għandu jidħol għall-haddiema kollha li tilfu l-impjieg tagħhom.

Din l-istqarrija ġiet iffirmata minn David Agius bħala Viċi Kap tal-PN għall-Affarijiet Parlamentari u kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Familja b’Saħħitha, Solidarjetà Soċjali, Pensjonijiet Adegwati u Sostenibbli u Drittijiet tat-Tfal, minn Robert Arrigo bħala Viċi Kap tal-PN għall-Affarijiet tal-Partit u Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Isfidi fit-Turiżmu f’Dinja Ġdida, minn Clyde Puli bħala kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni u t-Tiġdid tad-Dinja tax-Xogħol u d-Djalogu Soċjali Parteċipattiv, minn Claudio Grech bħala kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ekonomija u Ivan Castillo bħala president Solidarjeta’ Ħaddiema Partit Nazzjonalista (SĦPN).