Malta Air b’6 rotot ġodda; Roħs sa nhar it-Tnejn

Read in English.

Malta Air, li hija l-kumpanija sussidjarja ta’ Ryanair, nediet sitt rotot ġodda minn u lejn Malta.

Se jiżdiedu żewġ titjiriet fil-ġimgħa lejn Brindisi u terġa’ tiddaħħal ir-rotta għal Trapani matul is-sena u erba’ rotot għas-sajf lejn Nis (b’żewġ titjiriet fil-ġimgħa), Paphos (b’żewġ titjiriet fil-ġimgħa), Santiago de Compostela (b’żewġ titjiriet fil-ġimgħa) u Trieste (b’żewġ titjiriet fil-ġimgħa).

Intqal ukoll li żdiedet il-frekwenza fuq disa’ rotot oħrajn inklużi Bari, Madrid u Marsilja għal total ta’ 66 rotta.

Biex tiċċelebra dan, Ryanair bdiet skont ta’ 25% fuq aktar minn 100,000 post fuq vjaġġi Ewropej bejn Novembru u Marzu. Dawn it-titjiriet bl-iskont jistgħu jinxtraw mis-sit Ryanair.com sa nofsilejl tat-Tnejn 14 ta’ Ottubru.

Fi stqarrija, Ryanair qalet li b’dawn iż-żidiet se tkun qed issostni 2,300 post tax-xogħol fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.

Il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi qal li jinsab kuntent li Ryanair se tkun qed iżżid in-netwerk f’Malta permezz tal-Malta Air b’6%. Qal ukoll li jinsab ħerqan li jara l-ajruplani b’disinn Malti iktar tard fl-2020.