Mallia u Azzopardi maħtura biex jagħżlu l-Imħallfin Ewropej

Read in English.

L-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa ħatret lil żewġ deputati Parlamentari Maltin biex ikunu fil-Kumitat li jagħti r-rakkomandazzjonijiet dwar l-elezzjoni għall-Imħallfin fil-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fi Strasbourg. Id-deputati Manuel Mallia u Jason Azzopardi nħatru membri ta’ dan il-Kumitat.

Din il-ħatra ġiet ippubblikata fuq is-sit uffiċjali tal-Kunsill tal-Ewropea u fiha hemm 20 membru parlamentari ieħor mill-Parlamenti differenti tal-pajjiżi tal-Kunsill tal-Ewropa.

Minn għada, l-Imħallef Lorraine Schembri Orland se tibda x-xogħol tagħha f’din il-Qorti bħala l-ewwel mara Maltija f’din il-Qorti. Hija kienet ġiet eletta f’April li għadda f’elezzjoni bejn żewġ kandidati oħra. Schembri Orland kienet ġabet l-akbar ammont ta’ voti.

AQRA: L-Imħallef Schembri Orland eletta fil-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem

L-Imħallfin jiġu magħżula mill-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa fuq rakkomandazzjoni ta’ dan il-kumitat li jagħtihom poter demokratiku leġislattiv hekk kif stabbilit fil-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.