Mali: Tifla ta’ sentejn tmut bl-Ebola

L-awtoritajiet f’Mali kkonfermaw il-mewt ta’ tifla ta’ sentejn kawża tal-virus tal-Ebola.  
L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa qalet li t-tifla, li hija l-ewwel persuna f’Mali infettata bil-virus, vjaġġat mijiet ta’ kilometri fuq xarabank mill-Ginea, meta diġà kellha s-sintomi tal-Ebola. Aktar minn 40 persuna kellhom kuntatt mat-tifla u tqiegħdu fi kwarantina.
It-tifla kien ilha tingħata l-kura fi sptar f’Mali min-nhar l-Erbgħa. Omm it-tifla mietet fil-Ginea ftit ġimgħat ilu, u xi qraba marru għat-tifla l-Ginea biex jeħduha Mali.
Il-maġġor parti tal-4,800 persuna li mietu bl-Ebola huma mill-Ginea, il-Liberja u Sjerra Leone.