Il-passiġġieri fuq l-ajruplan li għeb għadhom jidhru onlajn

Il-misteru tal-għajbien tal-ajruplan tal-Malaysian Airlines kompla jikber hekk kif familjari tal-passiġġieri abbord l-ajruplan qalu li l-mowbajls ta' qrabathom kienu għadhom qed iċemplu. Barra minn hekk setgħu jarawhom ukoll fuq il-QQ, midja soċjali fiċ-Ċina. Raġel qal li ħatnu kien jidher onlajn fuq il-QQ, iżda l-messaġġi baqgħu ma tweġbux. 
Sadanittant, raġel li kien qed jivvjaġġa b’passaport misruq fuq il-Boeing 777 li għeb qrib il-Vjetnam, kien żagħżugħ Iranjan li hu mifhum li m’għandux rabtiet terroristiċi.
Il-pulizija fil-Malasja qalu li kien hemm possibiltà li ż-żagħżugħ ta’ 19-il sena kien se jemigra l-Ġermanja. Il-pulizija għadha għaddejja bl-investigazzjonijiet tagħha dwar it-tieni persuna li kienet qed tuża dokumenti misruqa.
L-ajruplan li kien fuq titjira lejn Beijing sparixxa nhar is-Sibt li għadda, wara li telaq minn Kuala Lumpur b’239 passiġġier abbord. Żewġ terzi tal-passiġġieri kienu Ċiniżi, filwaqt li oħrajn kienu ġejjin minn pajjiżi Ażjatiċi, l-Amerika ta’ Fuq u l-Ewropa.
Tal-inqas 40 vapur u 34 ajruplan jinsabu għaddejjin bit-tiftix fil-baħar qrib il-Vjetnam u l-Malasja. Għadu mhux magħruf x’ikkawża l-għajbien tal-ajruplan.