“Mal-prinċipji demokratiċi m’hemmx kompromessi” – PN

Il-Partit Nazzjonalista qal li mal-prinċipji demokratiċi, bħalma huma l-elezzjonijiet, m’hemmx kompromessi u li d-demokrazija m’għandhiex tintmiss.
Fi stqarrija, il-PN sostna li l-Gvern Laburista ma jfittix l-għaqda iżda jfittex id-diviżjoni. Fost oħrajn, semma’ kif il-Prim Ministru Joseph Muscat fittex li jkun diviżiv fil-kwistjoni tal-Kunsilli Lokali.
Il-PN żied jgħid li hu ta’ għajb li fl-istess ġimgħa li Karmenu Vella ġie approvat bħala Kummissarju Ewropew bis-saħħa tal-Partit Popolari Ewropew, li jinkludi l-MEPs tal-PN, dalgħodu Dr Joseph Muscat “reġa’ żera dubji bla bżonn dwar l-appoġġ tal-MEPs Nazzjonalisti”.
Il-PN sostna li din hi gidba u li kien ikun aħjar kieku Joseph Muscat irringrazzja lill-ewroparlamentari Nazzjonalisti għall-appoġġ tagħhom.
Fl-istqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal ukoll li jekk tassew irid inaqqas il-firda politika, “il-Prim Ministru għandu jibda billi jagħti l-eżempju hu stess, minflok ikun diviżiv u jiżra l-firda kull nhar ta' Ħadd filgħodu.”