“Mal-ħajja tan-nies ma tibbluffjax” – Bernard Grech

Bernard-Grech-Josianne-Camilleri-Net-TV

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech wissa li “mal-ħajja tan-nies ma tibbluffjax”. Huwa beda din l-intervista telefonika fuq Net FM fejn spjega li l-Prim Ministru kien qed jibbluffja meta jitkellem dwar il-pandemija. Saħaq li “fejn hemm il-ħajja tan-nies ma nistgħux nibbluffjaw”.

Huwa qal dan filwaqt li semma dak li qal il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne fejn fisser li qed jirrikonoxxi li s-sistema tas-saħħa qiegħda fi kriżi u tista’ tikkollassa.

Ftit ħin qabel tħabbret is-76 vittma tal-coronavirus:
Anzjana tmut bil-Covid-19 fl-isptar f’San Pawl il-Baħar

Lockdown

Bernard Grech saħaq li l-Gvern għandu jagħmel il-miżuri neċessarji biex jikkontrolla l-imxija. Stqarr li l-Oppożizzjoni ilha żmien twil tirreżisti l-lockdown iżda indika li jaf jasal żmien fejn din tkun l-unika soluzzjoni biex il-firxa tal-virus tiġi kkontrollata.

Spjega li filwaqt li nieħdu ħsieb li l-ekonomija tirpilja u l-istudenti jibqgħu jieħdu l-edukazzjoni tagħhom, il-Gvern ma jistax jassigura dan askapitu tal-ħajja tan-nies.

Il-Kap tal-PN fakkar f’dak li kienet tgħid is-Supretendent għas-Saħħa Pubblika meta kienet tappella biex il-graph tinżamm baxxa u ma jiżdidux il-każijiet. Stqarr li “mhux kwistjoni ta’ kemm ikollok sodod jew ventilaturi”, iżda qal li f’dan il-każ il-professjonisti tas-saħħa jagħmlu d-differenza biex jikkuraw lill-pazjenti.

L-ambjent personali u naturali

Bernard Grech tkellem ukoll dwar l-ambjent personali u naturali fejn stqarr li m’hemmx l-investimenti meħtieġa biex l-irħula u l-ibliet ikunu jistgħu jospitaw liż-żgħażagħ u lill-familji. Semma l-eżempju tal-bandli li qal li ta’ spiss issibhom żdingati fil-lokalitajiet għaliex ma jkunx sar il-manteniment meħtieġ.

Huwa tkellem dwar l-ambjent ta’ madwarna fejn spjega li dan jista’ jgħin ukoll lill-ekonomija għaliex il-kwalità tal-ħajja għandha effett fuq l-ekonomija.

Appella li jkollna ambjent li mhux biss ikun sabiħ imma jkun jista’ jservi ta’ post ta’ mistrieħ.

“Kulħadd għandu jingħata ċans”

Bernard Grech qal li huwa jemmen li kulħadd għandu jingħata ċans. Qal li mill-esperjenza tiegħu ta’ avukat iltaqa’ ma’ għadd ta’ ċirkostanzi fil-ħajja tal-familji Maltin li jwaqqgħuhom f’ċirku vizzjuż. Saħaq li permezz ta’ patt soċjali ġdid, dan iċ-ċirku vizzjuż jitkisser u n-nies jibdew mexjin ‘il quddiem. Qal li permezz ta’ dan ikunu qed jgħinu lilhom infushom imma jkunu qed jgħinu wkoll lill-ekonomija.

Qal li jemmen li meta l-imsieħba soċjali jaslu għal dan il-qbil, il-persuni jkunu jistgħu jissaħħu għaliex il-pajjiż ikun qed jikber u jissaħħaħ ekonomikament.