Mal-Gvern jaħdmu infermieri minn 25 pajjiż ieħor

Fl-aħħar erba’ snin ġew impjegati infermieri minn 25 pajjiż barrani biex jaħdmu fis-servizzi tas-saħħa tal-istat f’Malta.
Bejn l-2010 u l-2014 l-infermieri barranin impjegati f’Malta kienu ġejjin minn 17-il pajjiż mill-UE u 8 pajjiżi oħra Ewropej jew minn kontinenti differenti.
Il-Ministru tas-Saħħa Konrad Mizzi qal dan fil-Parlament fi tweġiba għal Mistoqsija Parlamentari tad-deputat Nazzjonalista Claudio Grech.
L-infermieri kienu ġejjin mill-Belġju, mill-Bulgarija, mill-Estonja, minn Franza, mill-Ġermanja, mill-Greċja, mill-Irlanda, mill-Italja, mil-Latvja, mil-Litwanja, mill-Olanda, mill-Polonja, mir-Renju Unit, mir-Rumanija, mis-Slovakkja, minn Spanja u mill-Ungerija.
Ġew impjegati wkoll infermieri mill-Albanija, miċ-Ċina, mill-Filippini, mill-Indja, mill-Kanada, min-Niġerja, mill-Pakistan u mis-Serbja.
Ix-xahar li għadda l-Ministru tas-Saħħa kien spjega li l-Gvern, fl-istess erba’ snin, kien impjega 239 infermier barrani miegħu. Iktar minn 40% ġew impjegati fl-2014.