Mal-elf artist se jixgħel il-Belt waqt Notte Bianca

Mal-elf artist se jkun qed jieħu sehem fl-edizzjoni tan-Notte Bianca ta’ din is-sena.

Permezz ta’ edizzjoni oħra tal-Lejl Imdawwal, l-organizzaturi qed jittamaw li joħolqu atmosfera vibranti, dan grazzi għat-talent vast ta’ bosta artisti Maltin.

Id-Direttur Artistiku ta’ dan l-avveniment spjega kif din is-sena, se jkun hemm bosta affarijiet ġodda. Per eżempju, għall-ewwel darba, se jkun hemm ftuħ u għeluq uffiċċjali tas-serata. Il-ftuħ se jsir fis-6pm u kollox se jintemm fis-2am, permezz ta’ kolazzjon kbir.

Għal dan l-avveniment, li għalih mistennija jattendu aktar minn 60,000 elf ruħ, il-Gozo Channel se tkun qed torganizza vjaġġ apposta għal Notte Bianca. B’differenza mis-soltu, dawk l-Għawdxin li jixtiequ jattendu n-Notte Bianca, jistgħu jirkbu vapur speċjali li se jitlaq minn Għawdex fis-6pm u se jwassalhom dirett sal-Barrakka ta’ Fuq.

Din se tkun it-tmien edizzjoni ta’ Notte Bianca. L-ewwel Notte Bianca bdiet lura fl-1990, f’San Pietruburgu, ir-Russja. Fl-2001, il-brijju tal-iljieli mdawwal wasal ukoll fil-Kapitali Franċiża – Pariġi. Ftit wara, fl-2004, il-Belt Valletta libset il-libsa artistika fl-ewwel edizzjoni tal-Lejl Imdawwal.

Jason Micallef, iċ-Chairman tal-Valletta 2018, saħaq li din se tkun opportunità li fiha l-arti, tiċċelebra d-diversità. F’dan l-istess lejl, saħaq Micallef, se jkun qed jiġi ppublikat ktieb b’ħafna informazzjoni dwar il-Kapitali Maltija.

Dr Jose’ Herrera qal li hu xxurtjat ferm li laħaq fil-kariga tiegħu fi żmien tant sabiħ u eċitanti għall-kultura Maltija. Qal li għall-ewwel darba, inħolqot App fuq il-mobile biex wieħed ikun jista’ jara mappa ta’ fejn qiegħdin l-attrazzjonijiet varji.