“Mal-AD irridu noħolqu repubblika ġdida kif trid is-soċjetà ċivili” – PD

Read in English.

Il-Partit Demokratiku qal li hu beħsiebu jwieġeb għall-appell tas-soċjetà ċivili għal repubblika ġdida għal Malta u Għawdex, u din hi r-raġuni għad-diskussjonijiet li qed ikollu mal-Alternattiva Demokratika, sabiex isewwu s-sistema politika mġarrfa ta’ bħalissa.

Fi stqarrija l-Partit Demokratiku qal li hu, bħas-soċjetà ċivili, jemmen fi stat demokratiku li jaħdem minn isfel għal fuq, imsejjes fuq in-nies u mhux fuq il-politiċi, u mmexxi bl-għarfien u l-esperjenza ta’ governanza tajba.

Fi tmiem is-sena li għaddiet, il-Partit Demokratiku u l-Alternattiva Demokratika ħabbru li se jingħaqdu f’partit wieħed għall-elezzjoni li jmiss.

Il-PD qal li l-kriżi politika kurrenti hija kulminazzjoni ta’ deċennji ta’ negliġenza tas-saltna tad-dritt f’Malta. Huwa stqarr li se jkompli jfittex l-għajnuna tal-aħjar imħuħ Maltin u Għawdxin sabiex joħloq abbozzi għall-policies li għandhom jixħtu ftit dawl fuq Malta fid-dlam li ħakimha. Eżempji ta’ dawn il-policies huma ir-riforma tal-finanzjament tal-partiti u t-tneħħija tat-istazzjoni televiżivi tal-partiti, policies li skont il-PD, iż-żewġ partiti l-kbar iridu jżommuhom fid-dominju tagħhom għall-interessi personali tagħhom.

“Flimkien niffurmaw it-Tieni Repubblika,” temm jgħid il-Partit Demokratiku.