“Mal-570 persuna fis-sena qed imutu tort tal-Gvern” – PN

Read in English.

Il-Partit Nazzjonalista qal li ċ-ċifri maħruġa mill-Eurostat din il-ġimgħa juru kif il-Maltin hu l-aktar poplu tal-Unjoni Ewrpea li hu espost għat-tniġġis fl-arja.

Fi stqarrija, il-kelliema tal-PN Jason Azzopardi u Stephen Spiteri qal li wara dawn iċ-ċifri hemm iktar minn 570 persuna li qegħdin imutu f’Malta kull sena kawża tat-tniġġis esagerat fl-ajra u l-mard respiratorju li dan iġib miegħu.

Huma saħqu li dawn kollha huma mard u imwiet li jistgħu ikunu evitati.

Skont il-kelliema, l-politika irresponsabbli  tal- Gvern qed tagħmel ħsara kbira lil saħħet il-poplu u l-ġenerazzjonijiet futuri.

“Dan ir-riżultat inkwetanti dwar it-tniġġis fl-arja f’Malta huwa kollu tort tal-mentalita li biha miexi dan il-Gvern ta’ nuqqas ta’ pjan fit-tul u ta’ politika li ma temmimx fi żvilupp sostenibbli. It-tqaċċit ta’ mijiet ta’ siġar u il-qerda ta’ mhedded sħaħ ta’ raba saru l-ordni talġurnata,” huma qalu.

Azzopardi oppona l-ikbar proġett sa issa biex jonqos it-tniġġis – Partit Laburista

F’reazzjoni, il-Partit Laburista qal li l-istatistika li rreferiet għaliha l-oppożizzjoni fl-istqarrija tagħha turi li meta il-kelliem tal-Partit Nazzjonalista Jason Azzopardi kien Ministru tal-Gvern ir-rata ta’ Maltin li rrapportaw li esperjenzaw tniġġis kienet ferm iktar milli hi llum.

“Jekk xejn din l-istatistika turi li grazzi għall-miżuri ta’ dan il-gvern is-sitwazzjoni hi aħjar u mhux agħar meta mqabbla ma’ żmien l-aħħar amministrazzjoni,” il-Partit Laburista kompla jgħid.

Il-Partit Laburista qal li fost oħrajn dan seħħ permezz ta’ miżuri kbar bħal għeluq ta’ power stations li jniġġsu li ironikament l-istess Jason Azzopardi tgħidx kemm oppona għall-proġett tal-power station taħdem bil-gass li waslet għal tnaqqis kbir fit-tniġġis mill-ġenerazzjoni tal-elettriku.