​Mal-50,000 raw l-ispettaklu fil-Port il-Kbir

Huwa stmat li aktar minn 50,000 ruħ attendew għall-Valletta Pageant of the Seas fil-Port il-Kbir.
Il-Fondazzjoni Valletta 2018 qalet li ħadu sehem mas-640 parteċipant bejn artisti, nies tal-loġistika, kumpaniji taż-żfin, għaqdiet sportivi, Kunsilli Lokali, għaqdiet tan-nar, l-In Guardia, il-Banda tal-Korp tal-Pulizija, l-awtoritajiet tal-Port, il-Korp tal-Pulizija, il-Forzi Armati, il-Protezzjoni Ċivili. 
Intqal li l-Valletta Pageant of the Seas kien wieħed mill-akbar proġetti ta’ Valletta 2018, minn programm ta’ aktar minn 400 avveniment matul is sena. 
Qalet li eluf ta’ nies inġabru max-xatt tal-Belt u l-Kottonera, fuq is-swar u l-fortifikazzjonijiet li jdawwru l-Port biex igawdu l-ispettaklu li kien jinkludi mużika oriġinali u kor li huma parti minn produzzjoni oħra ‘Aħna Refuġjati’, li se tittella’ f’Awwissu. 
L-avveniment ġie fi tmiemu b’wirja ta’ logħob tan-nar minn diversi bnadi fil-Port il-Kbir, li xegħel il-Belt Valletta f’din l-okkażjoni.