Mal-5 miljun persuna Kattolika fil-Korea

Minn popolazzjoni ta’ madwar 50 miljun persuna fil-Korea t’Isfel, madwar 5 miljuni huma Kattoliċi.
Din l-informazzjoni ġiet ippublikata llum mill-Vatikan, kif isir qabel kull żjara tal-Papa fil-pajjiż.
Kif tħabbar f’Marzu li għadda, il-Papa Franġisku se jżur il-Korea bejn it-13 u t-18 t’Awwissu, għas-Sitt Jum taż-Żgħażagħ fl-Asja li se jsir fid-djoċesi ta’ Daejeon.
Fil-Korea t’Isfel hemm 1,673 parroċċa u 843 ċentru parrokjali. Fid-djoċesijiet, hemm 35 Isqof, 4,261 saċerdot, 516 reliġjuż raġel u 9,016 reliġjużi nisa. Hemm ukoll 123 missjunarju, 14,195 katekista u kważi 2,000 seminarista.
Il-Knisja fil-Korea t’Isfel tieħu ħsieb 328 ċentru edukattiv, li fihom jattendu 221,020 student u studenta. Il-Knisja tmexxi wkoll 200 ċentru tas-saħħa u ta’ kura, fosthom 40 sptar u 277 orfanatrofju.