Mal-5,000 immigrant salvati fl-aħħar tlett ijiem

Iktar minn elf immigrant irregolari ġew salvati mill-Forzi Armati ta’ Malta fl-aħħar tlett ijiem f’għadd ta’ operazzjonijiet konġunti ta’ salvataġġ flimkien mal-awtoritajiet Taljani.
Fl-istess waqt, f’operazzjonijiet simili mill-awtoritajiet Taljani, ġew salvati madwar 4,000 immigrant ieħor.
Rapporti li għad iridu jiġu kkonfermati jgħidu li madwar 19-il immigrant mejta kienu qed jittieħdu lejn il-gżira ta’ Lampedusa. Dawn kienu fuq dgħajsa li telqet mil-Libja b’mijiet ta’ immigranti oħra abbord. Jidher li din id-dgħajsa kienet fiż-żona ta’ tfittix u salvataġġ ta’ Malta, iżda l-aktar port viċin kien dik ta’ Lampedusa.
Bastiment Taljan li kien fiż-żona offra l-għajnuna tiegħu biex jiġu salvati l-immigranti, iżda fir-rassa biex l-immigranti jiġu salvati minn fuq id-dgħajsa, mietu mal-10 persuni fosthom tarbija.