Read in English.
Medja ta’ 387 ħaddiem fis-sena rreżenjaw minn maċ-Ċivil f’dawn l-aħħar tliet snin.
Fil-Parlament il-Prim Ministru Robert Abela preżenta statistika li turi kemm-il persuna ġiet sospiża, tkeċċiet jew irreżenjat bejn l-2017 u l-2019.
Din l-istatistika turi li f’kull sena l-ammont ta’ ħaddiema nisa li rreżenjaw kien ogħla minn dak maskli. Fi tliet snin rreżenjaw total ta’ 768 mara u 392 raġel.
Bejn l-2017 u l-2019 tkeċċew total ta’ tmien ħaddiema li kollha huma rġiel. Fl-2017 u l-2018 tkeċċew tliet persuni kull sena filwaqt li fl-2019 tkeċċew żewġ ħaddiema.
Fl-istess tliet snin ġew sospiżi 45 persuna minn maċ-Ċivil bl-akbar ammont kien ta’ 18-il persuna fl-2018 filwaqt li fl-2017 ġew sospiżi 14-il ħaddiem u 13 fl-2019. Minn dawn il-ħaddiema sospiżi 40 persuna kienu rġiel.
Din l-istatistika ġiet preżentata fil-Parlament mill-Prim Ministru Robert Abela bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari tad-Deputat Carmelo Mifsud Bonnici.