Filmat: Mal-400 familja jew ruħ qed joqogħdu f’garaxx – aġent

Skont Simon Debono, sid kumpanija ta’ aġenti tal-proprjetà u Segretarju Ġenerali tal-Federazzjoni tal-Aġenti tal-Proprjetà, f’Malta hawn madwar 400 garaxx li qed jintuża bħala akkomodazzjoni għan-nies.
Dan qalu waqt il-programm Newsline fuq RTK, immexxi minn Fr Joe Borg u Manwel Delia, meta flimkien mal-mistieden l-ieħor, Andrè Callus mill-Moviment Graffitti, kienet qed tiġi diskussa l-kera f’Malta.
Bħala eżempju Debono semma Wied il-Għajn, u qal li hemmhekk jaf b’garaxxijiet li l-ispazju li kellhom quddiemhom li qabel kien ma tistax tipparkja fih, issa nbidel f’parkeġġ.
Hawnhekk irrimarka li kien hemm nies li meta indunaw li l-garaxx mhux qed jintuża mill-karozzi, marru jilmentaw mal-kunsill lokali sabiex l-ispazju ta’ quddiem il-garaxx ikun disponibbli għall-parkeġġ, ladarba ħadd mhu se joħroġ karozzi.
L-aġent kompla jenfasizza li dan ifisser li l-kunsilli lokali jafu x’inhu jiġri, filwaqt li ddeskriva l-aġir ta’ min mar jirrapporta biex jingħata l-parkeġġ bħala “ħdura”.
Charles Miceli mill-Alleanza Kontra l-Faqar, kien tkellem dwar dal-fenomenu f’Jannar li għadda, qal li anki jekk f’dawn il-garaxxijiet wieħed jirranġa u jagħmel tojlit u banju, u forsi tieqa, xorta waħda garaxx hu ismu miegħu, qiegħed għall-karozzi.
Dakinhar hu talab li jkun hemm Segretarju Parlamentari għall-Akkomodazzjoni kollha, u mhux għal dik soċjali biss, sabiex il-kontroll governattiv ikun usa’.
U din il-problema kien leħħinha s-Segretarju Parlamentari għall-Akkomodazzjoni, Roderick Galdes, li fil-Parlament kien qal li fost l-isfidi li jiffaċċja ta’ kuljum hemm każijiet ta’ familji li jispiċċaw joqogħdu ġo garaxx u oħra jorqdu fil-karrozzi jew barra t-triq.
Sadanittant, waqt il-programm Debono qal li dal-fenomenu hu beda jinnutah minn sentejn ’l hawn, iżda issa fi kliemu, “sploda”.
“Naqblu fuq is-sintomu, iżda mhux il-kawża” – Graffitti
Meta l-aġent tal-proprjetajiet qal li n-nuqqas ta’ akkomdazzjoni għal kulħadd hi l-effett tar-relazzjoni bejn id-domanda u l-provvista, Andrè Callus mill-Graffitti wieġeb li filwaqt li t-tnejn li huma qed jaqblu li s-sintomu hu ta’ uġigħ għall-persuna li tkun, il-kawża mhix bilfors dik li qed jgħid Debono.
Callus irrimarka li jekk iżżid il-provvista ta’ akkomodazzjonijiet ma jfissirx li se ssolvi l-problema, u skontu l-kawża tal-problema hi li s-suq tal-kera tħalla jsuq waħdu.
Skont l-attivist, Malta hi l-uniku pajjiż fl-Unjoni Ewropea li fih il-Gvern ma jirregolax is-suq tal-kera.
Sostna li t-tip ta’ provvista li qed tinħoloq hi għas-sinjuruni, appartament lussużi li jistgħu jikruhom biss is-sinjuri. Hawnhekk saħaq li ħafna mis-sidien ma jridux li s-suq jiġi rregolarizzat għax, fi kliemu, qed jitħanżru minn din l-okkażjoni.