Mal-40,000 persuna jirċievu għotja tal-ikel mill-istat

Mal-40,000 persuna se jkunu qed jirċievu għotja tal-ikel mingħand il-Gvern wara li s-sena li għaddiet beda jitqassam l-ikel kofinanzjat mill-Unjoni Ewropea.
Waqt żjara fiċ-ċentru LEAP! tal-Mosta, il-Ministru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali Michael Farrugia qal li l-qagħda finanzjarja tal-pajjiż ippermettiet li tkun imnedija skema oħra biex jitqassam aktar ikel iffinanzjat mill-istat.
Appparti minn hekk, it-tqassim tal-ikel qiegħed iservi biex numru ta’ mentors jiltaqgħu mal-benefiċjarji biex flimkien jiddiskuti kif jistgħu jingħataw għajnuna biex il-familja tqum fuq saqajha u timxi ‘l quddiem.
Il-Ministru rringrazja lill-impjegati tal-LEAP! u lil għadd ta’ studenti tal-MCAST u l-Università li ħadmu sabiex qed jitqassmu dawn il-pakketti minn madwar 30 ċentru f’Malta u Għawdex.
Apparti t-tqassim li sar ix-xahar li għadda mit-taqsima FEAD u dak li qed isir bħalissa bħala parti minn din l-iskema nazzjonali, ser ikun qed isir tqassim fl-aħħar ta’ Ġunju, f’Novembru jerġa’ jqassam FEAD u f’Settembru u Ottubri jsir tqassim mill-ġdid mill-iskema nazzjonali.
B’hekk għal din is-sena se jkunu tqassmu ’l fuq minn 53,000 kaxxa tal-ikel lil dawk fil-bżonn.
Ġie mwaqqaf call centre għal perjodu tat-tqassim sabiex tingħata assistenza, sew qabel, waqt u wara tqassim.
Infetħu erba’ linji u qed jitħarrġu persuni sabiex jassistu f’kull neċessità permezz tat-telephone: 22588924 jew 22588929 jew 22588964 jew79013090.

Ritratt: DOI- Pierre Sammut