Mal-4 persuni kuljum jirċievu protezzjoni f’Malta

Read in English.

L-Uffiċċju tal-Kummissarju għar-Refuġjati fl-2017 irċieva 1,839 applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali, li minnhom 68.7% ingħataw risposta pożittiva mill-ewwwel, filwaqt li l-kumplament kellhom it-talba tagħhom miċħuda. Dan ifisser li kważi erba’ persuni kuljum jirċievu protezzjoni f’Malta.

L-applikazzjonijiet, li naqsu b’4.6% fuq is-sena ta’ qabel, saru minkejja li s-sena l-oħra ma ġew irreġistrati l-ebda dgħajjes bl-immigranti li waslu f’Malta. Is-sena l-oħra, 20 persuna nġabu Malta bl-ajru wara li nġabru mill-baħar.

Fost l-applikanti nsibu li hemm persuni b’ċittadinanza minn pajjiż fl-Ewropa li applikaw għall-ażil, bħall-Maċedonja,  it-Turkija u l-Ukrajna fost oħrajn. Insibu wkoll applikazzjonijiet minn pajjiżi oħra bħall-Afganistan, l-Armenja, u l-Venezwela. Iżda żewġ terzi kienu minn pajjiżi Afrikani b’37.3% jkunu ċittadini Libjani u 26.8% ċittadini mis-Sirja. Mit-68.7% li ngħataw risposta pożittiva, 39.9% kienu Libjani u 31.2% Sirjani.

Il-popolazzjoni fiċ-ċentri miftuħa u djar istituzzjonali kibret b’34% meta mqabbla mas-sena ta’ qabel. Ħafna minnhom qed jgħixu f’Ħal-Far. 173 ċittadin ta’ pajjiżi terzi ġew rilokati. Dan ifisser 62.5% tnaqqis fuq is-sena ta’ qabel. 19-il persuna bbenifikaw mill-Programm ta’ Ripatrijazzjoni Volontarja Assistita.

Dawn iċ-ċifri ġew ippubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika fil-Jum Dinji għar-Refuġjati.

“Prijorità l-protezzjoni tal-bniedem iktar milli prijorità l-protezzjoni tal-fruntiera tal-Ewropa”

Għaqdiet fi ħdan il-Pjattaforma tal-Għaqdiet għad-Drittijiet tal-Bniedem f’Malta sejħu lill-Gvern biex jagħti prijorità l-protezzjoni tal-bniedem iktar milli jagħti prijorità l-protezzjoni tal-fruntiera tal-Ewropa.

Fl-istqarrija fl-okkażjoni tal-Jum Dinji għar-Refuġjati, il-PHROM, ikkritikat in-nuqqas ta’ approċċ komuni u li l-enfasi hi fuq il-fruntiera iktar milli fuq in-nies infushom.

Huma aċċennaw għall-avvenimenti li ġraw fl-aħħar ġimgħat iservu ta’ tfakkira li l-fruntiera tal-Ewropa għadha perikoluża u mhix post sikur għall-iktar vulnerabbli. Fi kliemhom l-iktar vulnerabbli jispiċċaw ikunu l-ewwel vittma ta’ diżgwid bejn l-istati.

Il-PHROM esprimiet id-dispjaċir tagħha li ħafna mid-diskussjonijiet li qed isiru fuq livell Ewropew ma jfittxux li jkun hemm responsabbilità maqsuma madwar l-Unjoni Ewropea, iżda qed jirriżultaw fl-Istati Membri jiffukaw kważi b’mod esklussiv kif se jwaqqfu r-refuġjati milli jaslu jew li jsir ftehim ma’ pajjiżi terzi biex ir-refuġjati jibqgħu hemm minkejja li dawn l-istati mhux dejjem ikunu jistgħu jew iridu joffru protezzjoni reali lir-refuġjati.