Mal-4.4 miljun passiġġier mistennija jgħaddu mill-ajruport matul l-2015

Matul l-2015, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta mistenni jilqa’ madwar 4.4 miljun passiġġier.
Dan ifisser żieda ta’ 2% meta mqabbel mas-sena li għaddiet u rekord ġdid għall-ajruport.
Dawn iċ-ċifri jirriżultaw minn żieda fl-operaturi tal-linji tal-ajru u b’hekk żieda wkoll fil-passiġġieri li jaslu Malta.
Matul l-2014, waslu Malta aktar minn 4,290,000 passiġġier, li kienet tissarraf f’żieda ta’ 6.4% fuq l-2013.
Kien hemm ukoll żieda ta’ 4.8% fil-movimenti tal-ajruplani, li rriżultat fl-istess żieda ugwali fl-ammont ta’ passiġġiera.
Is-sena li għaddiet l-ajruport ra żieda fis-swieq kbar fosthom żieda ta’ 6.1% mir-Renju Unit, żieda ta’ 12.1% mill-Italja, żieda ta’ 3.2% tal-Ġermanja u 17% minn Franza.
Mill-banda l-oħra kien hemm tnaqqis kbir ta’ 25.8% minn Spanja, li hu l-ħames l-ikbar suq.
Matul din is-sena, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta għandu ppjanat investiment ta’ €4 miljun, li jinkludi titjib fir-runway u l-espansjoni tat-bini tat-terminal fis-sezzjoni tal-wasliet mhux miż-żona Schengen. 

Ritratt: Facebook