“Mal-200 papra f’kundizzjonijiet miżeri fil-Marsa”

Madwar 200 papra li qed jgħixu f’żewġ ġibjuni fil-Marsa, fi kliem persuni li jgħixu fl-akwati u li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt, qed imutu bil-ġuħ minħabba li qed jgħixu f’kundizzjonijiet miżeri.
Tħalla wkoll messaġġ fuq il-grupp RUBS PUPPY LOVE, li qed jitlob lil dawk kollha li jħobbu l-annimali sabiex jingħaqdu fi grupp wieħed u flimkien jitkellmu mal-awtoritajiet ħalli tinstab soluzzjoni llum qabel għada.
Erba’ papri mietu fl-aħħar ġimgħat “propju minħabba li ma għandhomx x’jieklu u minħabba f’hekk bosta persuni qed jagħlfuhom”.
Madanakollu jgħidu li l-ikel li qed jagħtuhom mhux biżżejjed għall-ammont ta’ papri li hemm u li jiswa ħafna flus biex tagħlifhom kollha.
Saħansitra l-papri qed joħorġu fit-toroq tal-madwar b’tama li jsibu xi ħaġa tal-ikel.
Il-messaġġ ikompli jgħid li l-Kunsill Lokali tal-Marsa jaf b’kollox iżda mhux qed jieħu l-passi neċessarji. Jisħqu wkoll li l-Gvern għandu jieħu passi sabiex titranġa din is-sitwazzjoni u jinsistu li l-ewwel pass m’għandux ikun li joqtluhom iżda li jinbidel l-ilma u li jkollhom minn fejn jieklu.
Intant, xi nies ikkummentaw li b’xi mod jew ieħor se jgħinu sabiex itejbu l-kundizzjonijiet ta’ dawn l-annimali fejn uħud se jaddottaw xi ftit minnhom, oħrajn lesti li jgħinu billi jagħlfuhom, filwaqt li oħrajn jidhru lesti li jitkellmu b’wiċċhom mill-quddiem ħalli din is-sitwazzjoni titranġa llum qabel għada.
Oqgħod attent jekk tiddeċiedi li tmur titma’ lill-papri
Huwa importanti li jekk tiddeċiedi li titma’ lil dawn il-papri ma tagħtihomx ħobż. Il-ħobż ma jinkludix in-nutrijenti u l-kaloriji meħtieġa sabiex tgħin lill-papri jżommu lilhom infushom sħan fil-kesħa tax-xitwa.
Jekk sejjer titma’ lill-papri ħu miegħek xi ħaġa minn dawn: għeneb mingħajr żerriegħa, ross imsajjar, żrieragħ tal-għasafar, piżelli, qamħirrun, ħafur jew ħass imqatta’.
Ritratt: Keith Brincat